Grech twieled iż-Żejtun fl-1975. Studja l-Istorja fl-Università ta’ Malta u fl-2022 beda l-istudju dottorali tiegħu fl-Istudji Maltin. Bħalissa Grech huwa assistent kap ta’ skola primarja. Huwa l-fundatur ta’ PoeżijaPlus, u kien l-ewwel direttur eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Kien ukoll il-president tal-Assoċjazzjoni Letterarja Maltija.
Grech huwa l-editur tas-serje “Bejn Storja u Miti”, li tiffoka fuq personalitajiet Maltin li b’xi mod jew ieħor ikkontribwew lejn l-Istorja ta’ Malta. Fost dawn insibu lil Duminku Mintoff, Monsinjur Victor Grech, Herbert Ganado, Fr Hilary Tagliaferro, Dr Eddie Fenech Adami, Mabel Strickland, Marie-Louise Colerio Preca, Trevor Żahra, u Giovanni Bonello.
Huma proprju x-xogħlijiet awtobijografiċi li huma l-aktar għal qalb Grech. Permezz ta’ U Tisbaħ Missier (2021) jirrakkonta l-esperjenza paterna tiegħu – l-ewwel tali memoir fil-letteratura Maltija. F’dan ir-rakkont jesponi l-aspetti sempliċi imma daqstant ieħor kumplessi ta’ kif tgħaddi għall-irwol ta’ missier, u l-isfidi kontinwi marbuta ma’ dan l-irwol – li wara li jgħaddi ż-żmien minn fuqhom jibdew inisslu tbissima. Xogħol personali ieħor tiegħu huwa Ħallejtna bħall-Erbgħa fost il-Ġimgħa (2022), li fih Grech jesplora l-ħsus tiegħu dwar il-mewt ta’ missieru u għalhekk ikompli fuq it-tema tal-paternità, din id-darba b’laqta aktar filosofika, waqt li wkoll jisfida t-tifsira ta’ tmiem dinjituż.
Fl-2024 ippubblika l-bijografija ta’ Pawlu Mizzi, il-fundatur ta’ Klabb Kotba Maltin – Pawlu li Naf Jien – Tifkiriet ta’ Nies Qrib Pawlu Mizzi. Waqt li ħafna mix-xogħlijiet ta’ Grech huma bbażati fuq ir-riċerka, fl-istess sena esperimenta b’modi differenti ta’ kitba tant li ppubblika Iljieli Bla Rqad, ġabra ta’ stejjer qosra letterarji.
Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg