Turner kitbet qatigħ għat-televiżjoni permezz ta’ rwoli differenti, fosthom bħala producer tal-features tal-istazzjon televiżiv Eudcation22 bejn l-2007 u l-2010, kif ukoll bħala kordinatriċi tal-programm għat-tfal Kun Int fuq One TV, u kienet ukoll assistenta tal-producer għal programm tal-familja fuq Family TV. Għadha tikkontribwixxi għat-televiżjoni permezz ta’ kitba ta’ skritti. Tikteb ukoll lirika għat-teatru kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Fl-2005 nħatret membru tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kiteb, u fl-2021 ingħatat Ġieħ San Ġiljan b’rabta mal-kitbiet u l-proġetti kreattivi tagħha.
Turner twieldet San Ġiljan fl-1974. Iggradwat b’Baċellerat fl-Arti fil-Psikoloġija, il-Franċiż u l-Malti. Wara kisbet P.G.C.E. fil-P.S.C.D. Qattgħet il-biċċa l-kbira tal-karriera edukattiva tagħha bħala għalliema tal-P.S.C.D. u d-drama, żewġ suġġetti li hija appassjonata lejhom. Minħabba dan ix-xogħol tagħha, segwiet diversi korsijiet tat-terapija marbuta mad-drama u l-prestazzjoni, fosthom korsijiet imtellgħa minn Sedqa.
Turner hija l-awtriċi ta’ aktar minn għoxrin ktieb għat-tfal li huma edukattivi u li joffru awtogħajnuna. Minkejja li m’għadhiex tgħallem fl-iskejjel, f’qalbha għadha tħossha għalliema u torganizza u ttella’ diversi laboratorji ta’ kitba kreattiva mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Turner taspira li taqsam mal-pubbliku l-mod kif iż-żfin, l-ispiritwalità u l-kitba – partikolarment il-poeżija – jistgħu jgħinu lill-individwi jsiru jafu lilhom infushom aħjar. Hija twettaq dan permezz tal-kitba u sforzi kreattivi oħra tagħha .
Għal Turner, il-prijorità hija l-esperjenza kreattiva u personali – il-gratitudni lejn dak kollu li nesperjenzaw u li nkunu kapaċi napprezzaw ħajjitna minn perspettivi differenti. Skont il-perspettiva tagħha, hija l-umanità tagħna li tippermettilna nempatizzaw, nikkomunikaw kif ukoll li nkunu responsabbli għalina lkoll u l-komunità. Huma l-esperjenzi tagħna, bid-differenzi u l-elementi komuni tagħhom, li jgħaqqduna. Fil-kitba tagħha, Turner tesplora wkoll l-abbiltà li għandna biex nisimgħu l-vuċi ġewwiena tagħna u nippruvaw nifhmuha.
Fl-aħħar xogħlijiet tagħha, K.O.S.T.A. u OPANZA, Turner tmur lura lejn it-tagħlimiet li nieħdu meta napprezzaw dak li hemm madwarna, kif in-natura tgħallimna permezz tal-ġmiel u d-diffikultajiet tagħha, flimkien mal-ħajta komuni li tinseġ ix-xogħlijiet kollha tagħha: l-awtoskoperta. Turner qed taħdem fuq ktieb bi stejjer u illustrazzjonijiet immirat għat-tfal li għadhom ma bdewx l-iskola.
Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg