Fl-2017 huwa rebaħ il-Premju Ewropew għal-Letteratura bir-rumanz L-Eżodu taċ-Ċikonji (Klabb Kotba Maltin, 2013), rumanz li kien diġà rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2014. F’dan ir-rumanz Nabhan jesplora l-kwistjonijiet ta’ identità, eżilju u spustament li jitnisslu mill-eżistenzjaliżmu msawwar fit-taqlib reliġjuż u politiku f’art twelidu. Is-sitwazzjoni ta’ Nabil, il-karattru ewlieni, tidwi s-sitwazzjoni ta’ Nabhan innifsu billi twieled il-Ġordan imma eventwalment spiċċa Malta. Madankollu, minkejja d-distanza ġeografika, Nabil huwa marbut ħafna mal-ħajja preċedenti tiegħu fl-ispirtu – fil-fatt, il-maġġor parti tar-rumanz hija bbażata fil-Ġordan, fejn toqgħod il-familja ta’ Nabil.
Il-kunflitt reliġjopolitiku bejn (u anke fi ħdan) kulturi differenti huwa internalizzat mill-karattri ta’ Nabhan u espress bħala imblokk eżistenzjali li jħallihom f’salib it-toroq. Huma ripetutament jinsabu fi stat diżorjentat u ta’ tħassib, maqsumin bejn iż-żewġ stili ta’ ħajja opposti li jżommuhom milli jkollhom sens sigur tagħhom infushom. In-narratur fin-novella li ġġib isem il-ġabra ta’ novelli Bejn Bejnejn (Klabb Kotba Maltin, 2019) ukoll huwa mikdud b’din is-sitwazzjoni. Iċ-ċaħda kostanti tiegħu ta’ kollox u kulħadd toħloq vortiċi ta’ negattività li taqilgħu minn postu u tibilgħu.
Jekk hu jimponix din in-negattività fuqu nnifsu jew le huwa motiv ieħor għal qalb Nabhan. Hija diffikultà li ma jistax jaħrab minnha, billi l-ġlieda personali tiegħu hija marbuta mat-taqlib reliġjuż u politiku, ħaġa tagħlef lill-oħra. Il-karattri ta’ Nabhan huma aljeni kemm għal art twelidhom, kif ukoll għall-art addottiva tagħhom; huma rwieħ li m’għandhomx kwiet, maqbudin f’eżistenza diffiċli u statika. L-azzjonijiet tagħhom huma ristretti għax biex ikunu liberi fl-għażla tagħhom li jmorru joqogħdu band’oħra, huma jitilfu s-sens ta’ identità tagħhom, u jispiċċaw esposti għal forzi esterni li l-ħin kollu jheddu li jeliminawhom; jekk mhux fiżikament, spiritwalment jew psikoloġikament.
Hemm immaġni li tispikka f'L-Eżodu taċ-Ċikonji li turi proprju dan. Omm Nabil tieqaf titkellem meta hu u oħtu t-tewmija Naseh jagħlqu sena. Mid-dehra hija tkun tilfet il-ħajra li tgħix. Il-kundizzjoni tagħha hija b’xi mod marbuta mat-taqlib politiku ta’ dak iż-żmien. Sena wara, l-omm tmut. Sa dak iż-żmien, Nabil kien qed jerda’ sider niexef, filwaqt li għandna għal xiex naħsbu li oħtu kienet qed tisqi l-velenu lil ommu ftit ftit. Nabhan jimplika li l-imħabba, anke fl-iżjed forma pura tagħha, tista’ ssir korrotta u tossika. L-istess jiġrilha l-imħabba għall-għeruq u għall-art tal-oriġini: bħal xejn tissawwar f’katina li xxekkel lill-bniedem mill-iżvilupp u mill-benessri tiegħu.
Dan l-istat ta’ purgatorju huwa motiv importanti ħafna fil-kitbiet ta’ Nabhan, speċjalment b’rabta mal-post minn fejn ikun ġej dak li jkun. Hija relazzjoni ta’ mħabba u mibegħda fl-istess ħin li l-ħin kollu trid tiġi nnegozjata. Wieħed iħossu li qiegħed f’postu u fl-istess ħin mhux.
Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Sephora Francalanza