Vella studja fl-Università ta’ Malta u fl-Università ta’ Exeter. F’Malta kien jgħallem il-Pedagoġija, u għal xi żmien kien jgħallem fid-Dipartiment tal-Ingliż, b’mod partikolari dwar awturi Maltin li jiktbu bl-Ingliż. Kien Direttur tal-Istudji fil-programm Foundation Studies, u għadu involut f’numru ta’ programmi ġewwa l-Università.
Vella jikteb dwar suġġetti soċjali u emozzjonali – l-ambjentazzjoni u x-xenarji jvarjaw imma l-valuri u l-prinċipji jibqgħu kostanti. Hemm din it-tfittxija lejn u għall-verità, l-importanza li wieħed jisfida l-istatus quo u l-ġlieda għal dak li hu tajjeb. Fix-xogħlijiet ta’ Vella nsibu elementi tal-parabboli, fosthom it-tirannija, bl-atroċitajiet u l-assurditajiet kollha tagħha, kontra dawk il-ftit li jiqfulha. Il-vuċi tal-awtur hi waħda li tiddixxerni; personali u fl-istess ħin imbiegħda, iżda żgura mill-irwol tagħha ta’ osservatur u narratur.
Fl-ewwel pubblikazzjoni tiegħu, Inside the Horse (1994), naraw kif ħafna minn dawn it-temi jiltaqgħu. Fir-rumanz naraw kif ir-realtà u l-finzjoni jingħaqdu u jiffurmaw il-vjaġġ tal-protagonist fi ħdan il-Faxxiżmu Taljan. L-umanità u l-vulnerabbiltà jispikkaw f’Foot Soldier (2012), tradott għall-Malti bħala Wara l-Ħajt, fejn naraw l-istorja ta’ nisa manipulati mill-Istażi u persegwitati minħabba spjunaġġ wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin. Bl-istess mod, f’Moving Mountains (2018),naraw il-prattiċi dubjużi tal-fejqan, fejn jinħolqu mistoqsijiet marbuta mal-kunflitt, il-fidi u l-għażla.
Ix-xogħol ta’ Vella mhux biss politiku. F’xogħol bikri, Young Harry (2008), ispirat minn Henry IV ta’ Shakespeare u ż-żjara ta’ Vella fi Plymouth, Vella jħaffer fil-fond fl-istorja ta’ ħajjiet li huma marbuta ma’ xulxin. Mill-bidu, hemm din il-possibiltà skomda ta’ identitajiet mibdula, il-konsegwenzi u l-prezz li nħallsu għall-għażliet tagħna.
Għalkemm Vella jikteb kemm bil-Malti u kemm bl-Ingliż, xogħlu jibqa’ marbut mal-għeruq tiegħu u huwa mimli b’elementi Maltin. Każ interessanti huwa d-dramm “Valeriana” (li se jiġi addattat f’opra) li l-ewwel kien pubblikat bl-Ingliż u wara ġie tradott għall-Malti. Id-dramm ambjentat fuq gżira żgħira fil-Mediterran u jurina l-kunflitt traġikomiku bejn internat Malti u l-Podestà Faxxista lokali.
L-aħħar xogħol ta’ Vella, In with the Pin (2022), jagħmel stqarrijiet soċjali li huma b’saħħithom. Naraw it-taqbida ta’ suġġetti soċjali u morali, kultant mimlija ħdura, bejn l-awtonomija tal-individwu li jagħżel “mewta tajba” u l-preskrizzjonijiet soċjali li jisħqu li l-ħajja għandha tieħu l-kors naturali tagħha. Dan ir-rumanz jistieden lill-qarrej biex jaħseb fil-profond dwar it-twemmin li trabba fih u jindirizza dawn il-linji mhux ċari bejn dak li hu meqjus tajjeb u dak li hu meqjus ħażin.
Fil-kitba ta’ Vella nsibu dan is-sens ta’ kobor, miż-żmien u l-ispazju, dak politiku u storiku, sal-personali u soċjali. Hemm ukoll il-profondità tar-riċerka flimkien ma’ għażla vasta ta’ referenzi letterarji li wieħed irid japprezza. Forsi l-iktar valur importanti hu li wieħed jisfida l-istatus quo, sabiex wieħed ikun jista’ janalizza l-perċezzjonijiet u t-twemmin, li ħafna drabi ma naħsbux fuqhom fil-profond.
Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Keith Borg