TyroneGrima

1.

Bijografija

Tyrone Grima twieled Tal-Pietà nhar il-31 ta’ Ottubru 1976. Huwa lettur fl-Arti Performattiva fi ħdan il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST). Għandu interess fit-teatru u r-relazzjoni tiegħu mal-komunità, l-ispiritwalità u l-LGBTQIA+, u t-teorija queer. L-ewwel lawrja tiegħu kienet fil-Franċiż u t-Teatru. Segwa dan b’kisba ta’ dottorat mill-Università ta’ Malta dwar it-temi ta’ qtugħ u relazzjonalità fil-ħajja u l-kitbiet tal-mistika Franċiża Simone Weil.

Mur fil-biblijografija

Il-passjoni tiegħu għall-kitba taf il-bidu tagħha minn tfulitu li fiha rawwem imħabba lejn il-qari u l-ħolqien tal-istejjer. Huwa ispirat minn kittieba rinomati bħal Graham Greene, Patricia Highsmith, Albert Camus u Isabel Allende, li b’xogħlijiethom jinfluwenzaw l-istil tal-kitba tiegħu. Minbarra li jiġi ispirat mill-kittieba, Grima jispira ruħu wkoll mid-dinja taċ-ċinema. Ngħidu aħna, filmmakers bħal Woody Allen u François Truffaut ħallew impatt fuqu permezz tal-avviċinamenti distinti u innovattivi tagħhom lejn l-istruttura tal-film u n-narrattiva.


Grima huwa attiv ħafna fix-xena teatrali lokali, kemm bħala drammaturgu kif ukoll bħala direttur. Fost xogħlijietu nsibu Antigone (2018), Zayden (2019), Agnes of God (2020), Mill-Kċina ta’ Connor (2020) u Zoom: Hybrid Performance (2021). Id-dramm Mill-Kċina ta’ Connor, li nkiteb u ttella’ waqt il-lockdowns tal-COVID-19 kien fost l-ewwel drammi teatrali lokali li ntwera direttament online.


L-ispiritwalità, ir-reliġjon u l-kwistjonijiet tal-LGBTQIA+ huma temi ċentrali fir-rumanz rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, Frammenti (Merlin Publishers, 2021). Fih jesplora dawn it-temi permezz ta’ narrattiva distopika. Il-ġrajja ssegwi eroj bla isem f’dinja nieqsa mill-umani, u li fiha jieqaf il-ħin, b’eċċezzjoni għal Sophie, karattru misterjuż li l-eroj jiltaqa’ miegħu matul il-vjaġġ tiegħu.


Ir-rumanz huwa maqsum f’erba’ staġuni kalendarji, li jista’ jkun li jissimbolizzaw l-istadji tradizzjonali tal-bikja għat-telfa ta’ maħbub. Fil-qalba tal-istorja hemm il-memorji li għandu l-protagonist ta’ mħabba li ntemmet imma li għad għandha influwenza qawwija fuqu, tant li żżommu milli jimxi ’l quddiem fil-ħajja, u toħloq ġo fih sens ta’ telfa persistenti li ma jistax jaħrab minnha.


In-nuqqas ta’ mħabba fiżika, emozzjonali u spiritwali timbotta lill-protagonist lejn vjaġġ inċert u surreali, ambjentat f’pajsaġġ mimli forzi inviżibbli u viżjonijiet tal-biża’ li jċajpru l-linja bejn ir-realtà u l-illużjoni. Il-baħħ jinħass jissuġġerixxi li l-protagonist qed ifittex bidu ġdid. Madankollu, fit-tfittxija tiegħu għal dan, ikollu jħabbat wiċċu mad-deżolazzjoni tal-madwar fosthom binjiet abbandunati u toroq vojta – li l-għera sħiħa tagħhom tamplifika l-preżenza fl-assenza.


In-narrattiva tissuġġerixxi li t-tkabbir emozzjonali tal-eroj huwa marbut intrinsikament mal-vjaġġ fiżiku quddiemu – l-abbiltà tiegħu li jagħmel il-pass emozzjonali li jmiss hija riflessa fil-ħtieġa li jimxi fiżikament ukoll. Għal darba oħra, dan jitfa’ dawl fuq kif in-nuqqas ta’ mħabba f’kull forma waqqfet l-abbiltà tiegħu biex ifiq, jimxi ’l quddiem u possibbilment jagħlaq il-feriti miftuħa.

Grima joffri vuċi friska fil-letteratura Maltija billi jinseġ temi ta’ spiritwalità ma’ kwistjonijiet LGBTQIA+. F’xena letterarja relattivament żagħżugħa, xogħlu,  jimla spazju li qatt ma ġie indirizzat, u jwassal perspettivi u profondità ġodda. Grima jindirizza temi kumplessi b’sensittività u għarfien. Dan huwa sinifikanti meta tqis li dan iseħħ f’kuntest li fih l-istess temi ftit li xejn ġew ippreżentati.


Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg

2.

Biblijografija

Din il-Ġawhra ta' Pajjiżna

Proża
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Horizons, Malta

Frammenti

Proża
Malti
Kitba
Premjijiet
Rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb
Pubblikazzjoni
Merlin Publishers, Malta

Frekwenzi Msikkta

Proża
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Horizons, Malta

Bep

Proża
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Horizons, Malta

Frekwenzi Ħiemda

Proża
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Horizons, Malta

Celibacy

Proża
Ingliż
Kitba
Pubblikazzjoni
L-Awtur
Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies