Beda bħala edukatur u mbagħad xandar, imbagħad ippubblika l-ewwel ġabra tal-poeżija, Eden, fl-1972, għalkemm ix-xogħlijiet poetiċi tiegħu kienu diġà dehru f’xi rivisti bħal Children’s Own u Il-Berqa. Apparti x-xogħlijiet kreattivi tiegħu, Żahra ppubblika wkoll l-ewwel kotba tat-taħriġ tal-Malti għal studenti żgħar, u b’hekk kompla jsaħħaħ l-irwol tiegħu ta’ leħen għall-ilsien Malti - irwol li sar sinonimu miegħu.
Għalkemm il-ħafna xogħlijiet tiegħu għall-qarrejja żgħar jissuġġerixxu ċerta naturalezza, id-diqa jew l-uġigħ qajla nistgħu naqtgħuhom mill-kompetenzi tal-awtur. Eżempju ta’ dan huwa l-ktieb kommoventi Stella, Jien u Hu (Merlin Publishers, 1990), dwar it-telfa ta’ Stella, l-għażiża martu, u eżempju ieħor, għalkemm aktar ferrieħi, huwa l-ktieb Il-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa (Merlin Publishers, 2008), li nbiegħ fuq li nbiegħ. Dan il-ktieb jgħaqqad l-għażla wiesgħa ta’ talenti tal-awtur: imsejjes fin-nostalġija għal Malta tal-passat li x-xbieki kolonjali u klerikali tagħha jintużaw għall-valur estetiku u ħlejju tagħhom, dan ir-rumanz qsajjar issa jista’ jinqara bħala bijografija fittizja li tixħet dawl pożittiv fuq is-sess u li, b’ċertu gost, tesprimi x-xewqat erotiċi femminili. Il-bażi universali - megħjuna minn affarijiet speċifiċi ta’ dak il-perjodu u mil-lat malinkoniku li jżomm lill-ktieb milli jaqa’ fit-trivjalità - hija possibbilment dik il-ħaġa li wasslet sabiex dan ix-xogħol jiġi tradott f’għadd ta’ lingwi, inkluż adattament għall-palk. Ġenoveffa ġie ppubblikat bl-Ingliż, bil-Franċiż, bir-Russu u bin-Norveġiż, u l-addattament teatrali tiegħu, miktub minn Żahra nnifsu u mtella’ minn Unifaun Theatre b’Marta Vella bħala n-Nanna Ġenoveffa, mela s-sala mill-ewwel sal-aħħar lejl li ttella’ fuq il-palk fl-2013.
U l-vulgarità li hija ftit imtappna permezz tal-lenti nostalġika f’Ġenoveffa toħroġ b’mod ħafna aktar espliċitu fil-kollaborazzjoni l-oħra bejn Żahra u Unifaun Theatre, Minn Wara ż-Żipp (2014), dramm li jiffoka fuq eżaminazzjoni franka u umoristika tal-imġiba karatteristika tal-irġiel (Maltin) fejn għandu x’jaqsam is-sess. Intant, ix-xogħol teatrali ta’ Żahra tal-2018, Il-Madonna Tiegħi Aħjar Minn Tiegħek – produzzjoni mużikali li ttellgħet ma’ Teatru Malta, kompla jikkonferma post Żahra bħala l-aqwa rakkontatur tal-gżira, li f’dan ix-xogħol mess mat-tribaliżmu reliġjuż storbjuż tal-festi tal-irħula Maltin u l-każini tagħhom.
Illum irtirat mit-tagħlim, Żahra jkompli jiddedika lilu nnifsu lix-xogħol letterarju tiegħu fuq bażi full-time, wara li saħħaħ ir-relazzjoni twila u fejjieda tiegħu ma’ Merlin Publishers b’serje regolari ta’ ġabriet ta’ novelli u antoloġiji mill-2010 ’l hawn.
Trevor Żahra rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għal tmintax-il darba, u fl-2004 ingħata l-Midalja tal-Mertu mill-President tar-Repubblika. Huwa kien ukoll ir-Raġel tas-Sena ta’ Johnnie Walker fil-kategorija tal-Arti u d-Divertiment fl-2008, u rebaħ il-Midalja tad-Deheb mill-Akkademja tal-Arti (2012) u Ġieħ l-Akkademja mogħti lilu mill-Akkademja tal-Malti (2018).
Miktuba minn Teodor Reljić u maqluba għall-Malti minn Sephora Francalanza