Twieldet ir-Rabat fl-1953, u studjat fil-Kulleġġ Santa Tereża. Wara ħadmet bħala assistenta ta’ vidjografu. Bdiet tikteb il-poeżija minn fuq il-bankijiet tal-iskola, u din l-imħabba għall-kitba baqgħet magħha anki waqt li bdiet u ħadet ħsieb il-familja tagħha. L-ewwel frott ta’ din l-imħabba ħareġ f’għeluq il-ħamsin sena tagħha permezz tal-ewwel pubblikazzjoni tagħha. Xogħlijietha dehru f’diversi rivisti, ġurnali u siti, kif ukoll f’diversi antoloġiji fosthom Ilħna Ġodda, Ilwien fil-Kelma, Arkadja, A Surrender to the Moon, The Strand International Book of Modern Verse, Tra Le Parole e l’Infinito, Ad Haustum Doctrinarum, Il Viaggio, Sfumature, Antologia Nosside, Antologia del Premio Cluvium, I Silenzi delle Montagne e Le Voci del Mare, Sguardi e Voci Giovani sull’Europa, u Antologia Tracce. Xogħolha ġie tradott għall-Ingliż, it-Taljan u l-Esperanto.
Ipparteċipat fi proġetti letterarji bħal “Poetry in Motion” li fih waħda mill-poeżiji tagħha bl-Ingliż ġiet esebita f’subway fi New York; “Sguardi e Voci Giovani sull’Europa”; “100 Thousand Poets for Change”; u “TongueStories,” proġett li jdur madwar il-benefiċċji tal-multilingwiżmu. Pace rebħet ukoll diversi premji, fosthom għall-promozzjoni tal-lingwa Maltija fil-ħajja ta’ kuljum, u l-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef fl-2022. Kisbet l-ewwel post fil-kompetizzjoni Taljana “Poesia e Immagine” (Cesena) u rebħet il-Premio Critica ta’ “Tra Le Parole e l’Infinito” (Caivano), kif ukoll in-Nosside World Poetry Prize.
L-ewwel xogħol tagħha, Il-Leġġenda taċ-Ċurkett tat-Tieġ tal-Madonna, li kitbet meta kienet għadha studenta tas-sekondarja, għadu sa issa l-itwal xogħol tagħha. Ir-rakkont idur madwar iċ-ċurkett tal-Madonna, kif għadda minn negozjant tal-ħaġar prezzjuż għal għand fornitur tiegħu, u hekk twassal rakkont dwar il-ħajja ta’ dan iċ-ċurkett li permezz tiegħu tagħti tagħlima dwar l-apprezzament. Ir-rima u r-ritmu minn dejjem kienu importanti għal Pace; fil-fatt fil-poeproża tagħha għat-tfal tiffoka esklussivament fuq dawn iż-żewġ għodod letterarji, kif jidher f’Naqraw u Nirrimaw (2009). Ir-Re tal-Ġungla u s-Skiet Misterjuż (2014) huwa ktieb dwar it-tfal u l-biżgħat tagħhom. Fih, toħloq analoġija permezz ta’ ljun li jgħin lill-annimali l-oħra kollha jaffaċċjaw il-biżgħat tagħhom.
Xogħlijiet għal qalb Pace huma Arpeġġi (2003), li kien l-ewwel pubblikazzjoni tagħha u rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb; Oratorju: Il-Qaddisa tas-Salib (2012), poema ddedikata lil Santa Elena fiċ-ċelebrazzjonijiet ċentinarji tal-istatwa tagħha; u In Her Element (2014) li hija ġabra ta’ poeżiji bl-Ingliż, u li tinkludi “Woman” li rebħet il-konkors poetiku Irish City of Europe.
Ittraduċiet tlettax-il poeżija mill-Ingliż għall-Malti mill-ġabra ta’ Lucilla McClaren Spillane, Another Seeing and Other Poems (2013), waqt li ttraduċiet ukoll mill-Malti għall-Ingliż poeżiji ta’ Jonathan Balzan mill-ġabra tiegħu Kilometri (2016). Ittraduċiet ukoll żewġ poeżiji mit-Taljan għall-Malti ta’ Pier Paolo Pasolini, u ttraduċiet għall-Malti il-poeżija maqsuma f'erbgħa ta’ Federico García Lorca "Llanto por Ignacio" bl-għajnuna ta’ traduzzjonijiet fl-Ingliż.
Pace tħobb tesperimenta bil-lingwa. Permezz ta’ wieħed mill-proġetti tagħha, “DiVersi”, qiegħda taqbad wieħed mis-sunetti tagħha u tiżviluppah f’erbatax oħra. L-aħħar ġabra poetika tagħha, li għadha fil-proċess għall-pubblikazzjoni, iddur madwar l-imħabba u l-ħajja. Bħalissa qed taħdem ukoll fuq memoir.
Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg