Illum hija professur assoċjat fil-Filosofija tal-Edukazzjoni fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta, wara li ġabet id-Dottorat mill-Università ta’ Nottingham Trent. Iżda qabel dan, Galea bdiet taħdem bħala għalliema fl-iskejjel primarji u sekondarji. Ħarġet l-ewwel antoloġija tagħha tal-poeżija, Xi drabi mqar persuna, fl-2011 – ġabra ta’ poeżiji li kienet ilha mistennija, moħmija fl-isfond tal-iskeda impenjata ta’ Galea bħala lettriċi u riċerkatriċi. Madankollu, li kieku kellna npoġġu ż-żewġ affarijiet kontra xulxin, inkunu qed immorru kontra l-karattru ta’ Galea. Bħalma x-xogħol akkademiku tagħha jiffoka fuq il-filosofija femminista u l-isfidi tal-esperjenza tal-immigranti fis-soċjetà, il-poeżija tagħha tesplora l-elementi iżjed iffukati u intimi f’dawn l-esperjenzi umani li ħafna drabi nagħtuhom il-ġenb, frustrati u mgħottija jew bl-istrutturi patrijarkali jew bin-narrattivi soċjokulturali dominanti.
Hu u jagħraf lil Galea bħala rappreżentanta ċara tal-mewġa ġdida u meħtieġa tal-poeti nisa f’Malta, il-poeta Immanuel Mifsud ifaħħar l-ewwel antoloġija tagħha u jgħid li tirrappreżenta bħallikieku korrezzjoni tal-“innijiet ta’ konkwista” li jikkaratterizzaw il-poeżija maskili, filwaqt li jfaħħar il-“femminiżmu ffukat” tagħha li jpoġġi l-ġisem fuq quddiem. Maria Grech Ganado, li possibbilment hija l-vuċi protofemminista tal-poeżija Maltija, dan tiddeskrivih bħala att ta’ reżistenza 'ġentili': att ta’ protesta fih innifsu, li qed jippreżenta frankament u b’mod miftuħ dak li qabel kien minimizzat.
Galea tikkaratterizza l-poeżija tagħha bħala espressjoni mbiegħda mill-binarji riġidi u mill-istrutturi li jessenzjalizzaw, anke bis-saħħa ta’ xibka wiesgħa ta’ influwenzi li jinkludu teoristi kritiċi femministi ewlenin bħal Luce Irigaray u Hélène Cixous. Wirt Irigaray jinħass sew fil-poeżiji li Galea tiddeskrivi bħala sejħa u tweġiba għall-poeti klassiċi Maltin (pereżempju “Poeta, toħlomx” bi tweġiba għall-poeżija “Tfajla, toħlomx” ta’ Rużar Briffa) sabiex toħloq diskors femminista djalettiku.
It-taħlit tal-esperjenzi intimi u l-ħsibijiet konċettwali akkademikament rigorużi jifformaw poeżija kuxjenzjuża u potenti, li Galea xi drabi tgħid li l-proċess tal-kitba tagħha hu wieħed ta’ wġigħ. Dan ma jgħoddx għall-esperimentazzjoni tagħha bil-letteratura għat-tfal, li ngħatat forma tanġibbli bil-pubblikazzjoni tal-ewwel ktieb tagħha ta’ dan il-ġeneru – Il-Metamorfosi tal-Mamà, ktieb li ħadet gost tagħġnu u anke rebbaħha xi premji.
Miktuba minn Teodor Reljić u maqluba għall-Malti minn Sephora Francalanza