RużarBriffa

1.

Bijografija

Filwaqt li Rużar Briffa ma kienx kittieb prolifiku, diffiċli wieħed isib poeta Malti daqshekk maħbub minn kulħadd. Madankollu, il-manjiera ġentili u l-karattru mistħi tiegħu kienu jgħattu d-diżappunt li kellu bl-isforzi żgwidati tal-umanità biex ittejjeb lilha nnifisha.

Mur fil-biblijografija

Briffa twieled il-Belt Valletta fis-16 ta’ Jannar tal-1906. Fl-1923 huwa kiseb iċ-ċertifikat tal-matrikola li bih seta’ jgħallem fl-iskejjel primarji. Sena wara, Briffa beda jistudja l-mediċina fl-Università ta’ Malta imma kompla l-istudji tiegħu Londra, fejn speċjalizza fil-venereoloġija u d-dermatoloġija. Kellu rwol ewlieni fit-tfaqqigħa tal-pesta tal-1936 u l-1945. Briffa qatta’ xi żmien l-Indja, fejn kellu kuntatt ma’ nies ibatu mil-lebbra, esperjenza li ħalliet l-impatt tagħha fuqu.

Fil-bidu tal-karriera tiegħu, Briffa rrealizza li l-uġigħ huwa esperjenza personali ħafna u li bħala tabib, huwa seta’ biss jikkura s-sintomi fiżiċi tal-pazjenti tiegħu. Ma kellux mezz kif ifejjaq l-agunija eżistenzjali ġejja mill-eżistenza umana. Fil-poeżija “Minn Kulma Ħlomt f’Żgħoriti”, Briffa jsemmi l-aspirazzjonijiet tiegħu bħala żagħżugħ u jirrakkonta kif dan il-ħolm kollu spiċċa kien biss ħolm: il-ħajja ingannatu b’dan il-mod. L-istess diżappunt huwa evidenti fi “Tfajla, Toħlomx”, li fiha l-poeta jwissi lil tfajla biex ma tinvestix wisq tama fil-futur għax il-ħajja għandha ħabta tmur żmerċ u tħalli lil dak li jkun b’qalbu maqtugħa u diżilluż.

Madankollu, fi “Tfajla, Toħlomx”, Briffa jgħid lil din it-tfajla li m’għandhiex għalfejn terfa’ dan is-salib waħedha. Is-solitudni hija tema oħra ewlenija fix-xogħlijiet ta’ Briffa. Fi “Tristis est Anima Mea” huwa jalludi għal silta mill-Evanġelju meta Ġesù jkun fl-Ort tal-Ġetsemani qed jistenna lis-suldati jarrestawh. Ikun qed jitlob waħdu, abbandunat mid-dixxipli, konxju li riesqa l-mewt fuqu.

Xi drabi din is-solitudni twassal lil Briffa biex iħares lejn id-dinja b’mod oġġettiv. Pereżempju fil-poeżija “Quo Vadis?” huwa jippersonifika siġra xiħa tal-ħarrub fuq għolja, li tilmenta fuq il-mod kif il-bniedem dejjem ifittex gost materjali a skapitu ta’ eżistenza inqas mgħaġġla, aktar kajmana u ta’ siwi. Billi jagħti leħen lil dik is-siġra solitarja, Briffa jieħu l-irwol ta’ osservatur maqtugħ mill-istampa, biex jixħet dawl fuq l-assurdità tal-bniedem li l-ħin ikollu jsus wara l-ħajja minflok jgħixha.

Minkejja dan kollu, l-eżistenzjaliżmu ta’ Briffa huwa nieqes mill-intellett evidenti ta’ dawk li kienu jiktbu fl-istess żmien. Fil-qalba tiegħu, l-eżistenzjaliżmu ta’ Briffa huwa dimensjoni emottiva kkundizzjonata minn esperjenza sinifikanti. Il-vjolinist fi “Vjolin Marid” huwa marid u ma jinqalax biex idoqq il-vjolin, imma ltaqa’ ma’ rejiet u mużiċisti importanti, u kellu esperjenzi ta’ mħabba man-nisa. Minkejja s-sitwazzjoni kurrenti tiegħu, għex ħajja li fissret xi ħaġa, ħajja kompluta, xi ħaġa li Briffa dejjem xtaq.

Miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Sephora Francalanza

2.

Biblijografija

Metamorfosi

Ktieb imnebbaħ minn Rużar Briffa
Varji
Malti
Editjar
Kit AzzopardiLeanne Ellul
Pubblikazzjoni
Għaqda tal-Malti – Università, Malta

Rużar Briffa

Il-poeżiji miġbura
Poeżija
Malti
Kitba
Editjar
Oliver Friggieri
Pubblikazzjoni
Klabb Kotba Maltin, Malta

Poeżiji

Poeżija
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Lux Press, Malta
Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies