Bħala waħda li kienet tiekol il-kotba sa minn età żgħira, dejjem ħolmot li ssir kittieba. Fil-bidu, bħal ħafna awturi Maltin kontemporanji oħra, Bajada ispirat ruħha mix-xogħlijiet ta’ Trevor Żahra, speċjalment bl-avventuri misterjużi tiegħu. Qattgħet ħafna minn tfulitha mgħaddsa fl-istejjer tiegħu, li wassluha biex tikteb l-istejjer tagħha stess, saħansitra mżewġa ma’ illustrazzjonijiet tagħha wkoll. Dawn kienet taqsamhom b’żelu mal-għalliema tagħha. Aktar tard, Bajada nġibdet lejn rumanzi b’laqtiet ta’ umoriżmu iswed, realiżmu maġiku u elementi gotiċi, b’Carlos Ruiz Zafón partikolarment iħalli influwenza notevoli.
Bajada taħdem biex bil-kitba tagħha tilħaq firxa wiesgħa ta’ adolexxenti. Bħala edukatriċi, tinteraġixxi magħhom kuljum, u għalhekk lil din id-demografija li qiegħda fil-mira tagħha tafha sew. F’kitbitha, taddotta ton leġġer, u tinseġ b’sengħa elementi differenti mill-ġeneri favoriti tagħha, fosthom l-isteampunk, in-narrattivi distopiċi u l-fantasija sewda. Permezz ta’ dan, tipprova ttejjeb il-ġibda għall-istejjer tagħha, u tfittex li tikkompeti fuq l-istess livell ma’ forom oħrajn ta’ divertiment kontemporanju bħalma huma l-gaming u l-midja soċjali. Dan hu evidenti f’xogħlijiet bħal Arloġġ u Tila (Merlin Publishers, 2016), u Arlekkin Isfar (Merlin Publishers, 2019). F’dawn il-kotba tuża l-fantasija biex tesplora temi li jmissu lill-qarrejja adolexxenti, bħalma huma t-turbulenzi f’dan iż-żmien u l-aġġustament meħtieġ meta jitfaċċa ġenitur tar-rispett.
F’Termini u Kundizzjonijiet Japplikaw (Merlin Publishers, 2017), Bajada tindirizza n-niket marbut ma’ telfa ta’ xi ħadd qrib tagħna, waqt li twaħħad l-umoriżmu mal-misteru. Meta Gonsalvo Borg Buttigieg li għadu kif miet jipprova jidħol il-ġenna, isib bieb magħluq u anġlu gwardjan li jinfurmah li qabel jingħata r-raġġiera li tant jixtieq, l-ewwel irid isolvi kwistjonijiet pendenti fid-dinja. Għalhekk, Borg Buttigieg imur lura lejn id-dinja bħala spirtu inviżibbli, u megħjun minn tifel ta’ għaxar snin, jiskopri l-misteri marbuta ma’ mewtu.
F’dan ir-rumanz, Bajada tuża diversi għodod letterarji tipiċi marbuta mal-ġeneru tal-finzjoni. Din hija storja ta’ fatat li ddur madwar kwistjonijiet mhux riżolti li tinfilsa esseri smewwi fid-dinja mortali. L-ispirtu ta’ Borg Buttigieg jibqa’ marbut mal-kwistjonijiet irriżolti li jduru madwar il-mewt bikrija tiegħu, u li issa hemm bżonn jingħalqu. L-interazzjoni spettrali tiegħu ma’ tifel tevoka wkoll sens ta’ misteru u tenfasizza r-rabta persistenti bejn il-ħajjin u l-mejtin. Dan kollu jseħħ fi sfond ta’ misteru ta’ qtil intriganti bi plott kumpless, twists li jissospendu u karattri strambi u ħelwin. Bajada tħaddem dan kollu b’mod ġentili u umoristiku, iżżomm in-narrattiva għaddejja waqt li tirrispetta s-serjetà tat-temi fl-isfond.
Bajada tippreżenta vuċi distinta u oriġinali fil-letteratura tal-adolexxenti. Il-kontribut tagħha lejn din il-letteratura mhux daqstant voluminuża fix-xena letterarja Maltija huwa sinifikanti. Bajada tipprovdi eku tal-għana ta’ tradizzjonijiet letterarji tal-imgħoddi, waqt li fl-istess ħin tħaddan stil progessiv b’temi u stili moderni.
Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg