RenaBalzan

1.

Bijografija

Rena Balzan hija mara eċċezzjonali, waħda mill-ewwel nisa li bdiet karriera fil-qasam tar-riċerka xjentifika (fil-ġenetika u l-bijoloġija molekulari), u waħda mill-ewwel nisa li saret poeta u rumanziera magħrufa.

Mur fil-biblijografija

Balzan twieldet is-Siġġiewi fl-1946. Bdiet l-istudji tagħha fl-Università ta’ Malta u kisbet Baċellerat fil-Farmaċewtika. L-interess tagħha fil-ġenetika beda mill-ktieb The Double Helix (1968) ta’ Watson, u minn hemm bdiet il-vjaġġ tagħha f’dan il-qasam fl-Università tal-Istat f’Milan, fejn speċjalizzat fil-Ġenetika Applikata. Imbagħad kompliet l-istudji tagħha b’Dottorat fil-Bijoteknoloġija/Bijoloġija Molekulari fl-Università ta’ Cranfield fir-Renju Unit.

L-ewwel pubblikazzjoni tagħha, Ilwien Moħbija (1973) kienet ġabra ta’ poeżiji u novelli. Balzan imbagħad kitbet erba’ rumanzi u kienet il-koawtriċi ta’ żewġ antoloġiji oħra tal-poeżija – Turġien (1983) u Alfa (2000). Il-poeżija ta’ Balzan ġiet tradotta għall-Ingliż, għall-Franċiż, għat-Taljan u għall-Ġermaniż. Il-poeżija tagħha hija friska u spontanja, li sservi ta’ polz ta’ ispirazzjoni.

Tliet xogħlijiet partikolarment importanti għal Balzan huma: Il-Ħolma Mibjugħa (1982), Ilkoll ta’ Nisel Wieħed (1987) u Fiż-Żifna tal-Ibliet (1995). F’ħafna xogħlijiet tagħha wieħed isib esplorazzjoni ta’ ambjenti li jitgħaqqdu flimkien – il-fiżiku, il-psikoloġiku u l-politiku. Il-Ħolma Mibjugħa hija storja fuq l-imħabba mxekkla mill-ambizzjoni u l-poter. Hemm forzi li jiżnu l-importanza tal-imħabba u ż-żmien, u dawk li jistaqsu jekk l-imħabba hijiex kapaċi ssalva tul is-snin. Ilkoll ta’ Nisel Wieħed huwa l-vjaġġ psikoloġiku ta’ tifla li trabbiet man-nanniet tagħha. Huwa essenzjalment ittra twila lil nannuha li, bħalha, iħobb ifittex u jiskopri, anki lilu nnifsu. Ir-rabta ta’ bejniethom tegħleb il-“fruntiera” li hi l-mewt, u tisfida lill-qarrejja biex jagħmlu l-istess. Il-ktieb ġie tradott għall-Ingliż minn Antoinette Pace bħala Bonds in the Mirror of Time (2014). Fir-rumanz Fiż-Żifna tal-Ibliet, Balzan tistaqsi liema huma l-forzi u l-kuntesti li jagħġnuna, jibdluna, jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħna, u sa fejn jaffettwana verament l-isfond tagħna. Hija tirrakkonta l-istorja ta’ żagħżugħa hija u ssir mara, u tiżvela mumenti fejn il-qarrejja jagħrfu kif wieħed jista’ jirreaġixxi u jirrispondi għal diversi ċirkustanzi u kuntesti b’modi differenti.

Hemm dan is-sens intiż għat-tagħlim, għall-esplorazzjoni u għall-iżvilupp fil-kitbiet ta’ Balzan; ħsieb intrinsiku li wieħed dejjem jibqa’ student tal-ħajja, u fil-ħajja dejjem jibqa’ student. L-irwol tan-nisa fis-soċjetà – id-dar u x-xogħol – li dejjem jevolvi, huwa ta’ interess kbir u huwa wieħed mit-temi ewlenin flimkien maż-żmien, in-natura u l-umanità. B’dan il-mod, ir-rumanzi tagħha jesploraw id-dinja li dejjem tinbidel, il-konsegwenzi tal-femminiżmu u l-kwistjoni dwar kif wieħed jista’ jaffaċċja u jaddatta għal realtajiet ġodda.

F’dan is-sens, il-qarrej jaf iħoss l-isfond xjentifiku ta’ Balzan jitniffes bejn il-linji u jnixxi għal fuq il-paġna. Iż-żewġ passjonijiet tagħha jirrikjedu l-kreattività, il-perseveranza, il-paċenzja u forsi anke sens ta’ inizjattiva – u hija din l-impressjoni li nieħdu ta’ Balzan mill-kitbiet tagħha – mara li qed tfittex bilanċ bejn iż-żewġ dinjiet li qed tiġi esposta għalihom u li wkoll qed tgħix fihom.

Fl-2021 Rena Balzan ingħatat il-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Sephora Francalanza

2.

Biblijografija

Обвързаности в огледалото на времето

Proża
Bulgaru
Kitba
Pubblikazzjoni
Авиана, Bulgarija

In Tune With City Life

Proża
Ingliż
Kitba
Traduzzjoni
Antoinette Pace
Pubblikazzjoni
Faraxa Publishers, Malta

Alfa

Poeżija
Malti
Kitba
Premjijiet
Rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb
Pubblikazzjoni
L-Awturi

Fiż-Żifna tal-Ibliet

Proża
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Bugelli, Malta

Ilkoll ta’ Nisel Wieħed

Proża
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
PEG, Malta
Xogħlijiet marbuta

Bonds in the Mirror of Time

Proża
Ingliż
Kitba
Traduzzjoni
Antoinette Pace
Pubblikazzjoni
Faraxa Publishing, Malta u East Longmeadow, l-Istati Uniti tal-Amerka

Turġien

Poeżija
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Gulf Publishing Ltd., Malta

Il-Ħolma Mibjugħa

Proża
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Gulf Publishing Ltd., Malta

Fil-Firda l-Għażla

Proża
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Gulf Publishing Ltd., Malta

Ilwien Moħbija

Varji
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Veritas Press, Malta
Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies