RamonaDepares

1.

Bijografija

Ramona Depares twieldet Ħ’Attard nhar l-24 ta’ Lulju 1975. Iggradwat fil-Liġi mill-Università ta’ Malta u taħdem bħala kittieba, editriċi u kritika kulturali. Tispeċjalizza fil-ġurnaliżmu kulturali u dwar stili ta’ ħajja; tkopri r-restaurants, il-letteratura, it-teatru, il-mużika, u l-moda.

Mur fil-biblijografija

Bħala ġurnalista li rebħet diversi premjijiet, Depares qattgħet aktar minn deċennju bħala Editur tal-Features u aktar tard bħala Kap tal-Aħbarijiet mat-Times of Malta. Ipparteċipat f’diversi konferenzi u seminars bħala kelliema u panellista kulturali. Barra minn hekk, tagħti lekċers fil-ġurnaliżmu kulturali u l-kitba kreattiva fl-Università ta’ Malta.


Depares ilha tiżviluppa l-passjoni tagħha lejn il-letteratura minn mindu bdiet taqra bħala tifla ta’ sitt snin. Tammira awturi bħal Gerald Durrell, Neil Gaiman, u Roald Dahl. Hija partikolarment influwenzata minn kittieba femminili bħal Sylvia Plath, Anaïs Nin, u Colette, li jispiraw in-nuqqas ta’ biża’ tagħha fil-mod kif tikteb u jixprunaw id-dedikazzjoni tagħha fil-mod kif taffronta l-kwistjonijiet tal-ekwità bejn il-ġeneri, id-diversità, u d-drittijiet tan-nisa.


L-impenn ta’ Depares lejn dawn il-kwistjonijiet huwa evidenti fil-bijografija tagħha Katya: Easy on the Tonic (MGRM, 2022), dwar Katya Saunders, waħda mill-ewwel individwi transsesswali f’Malta b’mod apert. F’din il-bijografija, Depares, waqt li tintraċċa l-vjaġġ ta’ Katya minn Malta għal Londra, lejn New York u pajjiżi oħra, tinseġ narrattiva li twassal lill-qarrejja l-mixja bla biża’ tagħha biex issir diva. Fiha tiżvela l-isfidi li Saunders ħabbtet wiċċha magħhom, bħala persuna li ma setgħetx tikkonforma man-normi tas-soċjetà, u titfa’ dawl fuq il-kuraġġ u d-determinazzjoni li wriet fit-tfittxija tagħha għal ħajja li tissodisfaha, determinazzjoni li wittiet it-triq għal ġenerazzjonijiet futuri.


Fil-pubblikazzjoni semiawtobijografika, Beltin: Stejjer minn Nies Minsija, Depares tirrifletti fuq tfulitha fil-Belt Valletta, u tagħti ħajja b’mod animat lill-karattri li għaġnu l-imgħoddi tagħha u li kienu mwaħħda profondament ma’ ruħ il-Belt. Depares taqbad l-ispirtu tal-Belt Valletta fit-tmeninijiet, fi żmien li l-Belt kienet f’dinja għaliha, mhux mimsusa mill-ġentrifikazzjoni u l-esplojtazzjoni kummerċjali li kienu għadhom lil hinn minn biebha. Permezz ta’ serje ta’ poeżiji bil-vers ħieles, tippreżenta stampa mqanqla ta’ trobbija fil-belt kapitali, li minkejja li kienet kważi abbandunata, kellha karattru qawwi. It-taħlita ta’ nostalġija, poeżija u l-għarfien ġurnalistiku tagħha toħloq dikjarazzjoni ta’ apprezzament lejn il-belt u niesha, li fiha tenfasizza l-identitajiet inseparabbli tat-tnejn.


The Patient in Hospital Zero (Merlin Publishers, 2021) huwa ġabra ta’ disa’ novelli, u jimmarka qabża sinifikanti mit-tip ta’ xogħlijiet imsemmija sa issa. Fihom turi l-ġibda tagħha lejn l-istramb u s-surreali. Permezz tagħhom togħdos fl-aspetti strambi tal-umanità, li ta’ spiss jiġu injorati billi b’sengħa tinseġ karattri u narrattivi li jinħassu familjari u fl-istess ħin inspjegabbli. Ngħidu aħna fin-novella tagħha “Her Good Luck Charm,” il-protagonista tinqabad f’realtà ħarxa li tiżvolġi f’serje ta’ avvenimenti li jċajpru l-linja bejn il-verità u s-superstizzjoni. B’mod simili, f’“A Smidgeon of Confidence” tippreżenta xenarju li jista’ jiġi interpretat kemm minn lenti psikoloġika kif ukoll minn waħda paranormali. Il-pandemija riċenti tal-COVID-19 tidher ukoll f’xi wħud min-novelli, u permezz tagħha tenfasizza n-natura surreali ta’ dak iż-żmien, li darba kienet tant vivida u issa qiegħda dejjem tinħass aktar daqslikieku parti minn ħolma.


Ix-xogħlijiet ta’ Depares jirriflettu t-talenti diversi u r-rieda tagħha biex tesplora temi kumplessi. Depares twessa’ l-konfini konsistentament bi stil li daqskemm jinforma, jagħti pjaċir, jisfida n-normi tas-soċjetà u fil-proċess ta’ dan kollu, jagħni l-letteratura Maltija.

Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg

2.

Biblijografija

Katya - Easy on the Tonic

Proża
Ingliż
Kitba
Pubblikazzjoni
MGRM, Malta

The Patient in Hospital Zero

Proża
Ingliż
Kitba
Pubblikazzjoni
Merlin Publishers, Malta

Beltin: Stejjer minn nies minsija

Proża
Malti
Kitba
Illustrazzjoni
Moira Scicluna Zahra
Pubblikazzjoni
Merlin Publishers, Malta
Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies