Għalkemm s’issa tokkupa biss numru żgħir ta’ ġabriet, il-poeżija ta’ Bugeja diġà qegħditu flimkien mal-iżjed figuri notevoli fil-letteratura Maltija kontemporanja. Huwa stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-poeti u l-kittieba “ta’ Inizjamed”, wieħed mill-persuni li kellhom joħorġu minn din l-għaqda volontarja letterarja magħquda u influwenti. Għamel id-debutt tiegħu fil-pubblikazzjoni bi Stay, Fairy Tale, Stay! fl-2005, li ffurmat parti minn serje ta’ kotba ta’ poeti emerġenti lokali. Wara din il-pubblikazzjoni, fl-2009 ippubblika l-ewwel ġabra vera ta’ poeżiji tiegħu, Bliet.
Leali lejn it-titlu sempliċi imma rikk fl-implikazzjonijiet tiegħu, din il-ġabra tfittex li tifli u tanalizza l-belt bħala kunċett ħaj u dejjem jinbidel, affettwata mill-impressjonijiet personali imma f’tiftixa għall-osservazzjonijiet u l-immaġnijiet li jibqgħu, bi skop globali imma anke b’ġibda innegabbli lejn l-irwejjaħ Mediterranji. F’konverżazzjoni mal-poeta u l-membru ta’ Inizjamed Kit Azzopardi, Bugeja osserva kif il-poeta Malti huwa mgħobbi bil-problema opposta ta’ li għandhom poeti f’pajjiżi oħra b’kulturi letterarji itwal: mingħajr ħafna preċedenti ma’ xiex jaqbad, il-poeta Malti huwa figura nomadika. Dan in-nuqqas ta’ għeruq jiġi espress fil-ġabriet sussegwenti ta’ Bugeja - South of the Kasbah (Midsea Books, 2015) u Nartiċi (Klabb Kotba Maltin, 2016), li mill-ġdid jagħtu ħarsa ġeografika wiesgħa lejn l-ibliet u l-postijiet, b’mossa li poeti oħra li ġew qabel Bugeja jassoċjaw kemm mat-tiftix għall-gost bi ħsieb, imma anke man-natura fluwida iżda għarfa. Immanuel Mifsud jiddeskrivi l-approċċ li jieħu Bugeja f’Nartiċi bħala dak ta’ vjaġġatur qed jagħmel żjara lil - u jimtedd ma’ - maħbuba mill-passat li jżur minn żmien għal żmien f’pajjiż ieħor: “dan hu vjaġġatur li jaf xi jrid u jaf x’inhuwa jfittex.” Hija essenzjalment poeżija edonista – “Għax anki l-malinkonija ssir gost, anzi aktarx hi l-akbar gost.” In-narratur poetiku fittiex ta’ Nartiċi, li l-poeżiji individwali tiegħu huma fil-fatt deskritti bħala xogħol wieħed kalejdoskopiku sħiħ minn Antoine Cassar, jispiċċa jagħġen xogħlijiet li, skont Maria Grech Ganado, jevokaw “l-armonija poetika ta’ sinfonija”.
Bugeja ħadem bħala traduttur fi Brussell fil-bidu tas-snin 2000. Huwa jikkordina l-MA (Riċerka) fl-Istudji Mediterranji, imexxi s-Seminar tal-Istitut tal-Mediterran, u membru fil-Bord tal-Istitut tal-Mediterran. Huwa wkoll l-Editur Ġenerali tal-Journal of Maltese Studies.
Miktuba minn Teodor Reljić u maqluba għall-Malti minn Sephora Francalanza