L-irwol ta’ Cremona biex il-Malti jiġi rikonoxxut bħala lingwa, diffiċli jiġi rikonoxxut biżżejjed. Fl-1936, sar l-ewwel għalliem tal-Malti fil-Liċeo u serva wkoll bħala eżaminatur tal-Malti fl-Università Rjali ta’ Malta. Dan kien pass importanti fil-mixja biex il-Malti jsir suġġett obbligatorju fl-iskejjel. Flimkien ma’ oħrajn, waqqaf l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, li aktar tard saret l-Akkademja tal-Malti. Huwa kien responsabbli mill-pubblikazzjoni Il-Malti, li kienet tiġi ppubblikata kull tliet xhur.
Aktarx li l-aktar kontribut sinifikanti tiegħu huwa l-pubblikazzjoni Tagħrif fuq il-Kitba Maltija fl-1924, li permezz tagħha, flimkien ma’ Ġanni Vassallo, poġġa l-pedamenti għall-alfabett u l-grammatika Maltija. L-ortografija ġdida ġiet adottata uffiċjalment mill-Gvern fl-1934.
Cremona kien kittieb prolifiku bl-Ingliż, it-Taljan, u l-Malti. Huwa rinomat għall-poeżija, il-proża, id-drammi, il-bijografiji, u l-kitbiet tiegħu dwar il-filoloġija u l-grammatika. Fl-1936 ippubblika Il-Fidwa tal-Bdiewa, dramm li jsegwi l-istruttura tad-drammi Griegi klassiċi. Fih jirrakkonta t-tbatijiet li għaddew minnhom il-Maltin taħt il-ħakma tan-nobbli Aragoniż Gonsalvo Monroy, li serva bħala Konti ta’ Malta bejn l-1421 u l-1427 taħt ir-Re Alfonsu ta’ Aragona. Il-Maltin irribellaw, keċċew lil Monroy u fl-aħħar mill-aħħar irnexxielhom iħallsu lura s-somma li biha Monroy xtara l-gżejjer Maltin: kisba inkredibbli meta tqis il-faqar ta’ dak iż-żmien.
Fost il-bijografiji li kiteb, Mikiel Anton Vassalli u Żminijietu (1937) hija partikolarment notevoli. Cremona kien affaxxinat qatigħ bil-figura ta’ Vassalli. Fil-poeżija tiegħu “Lil Mikiel Anton Vassalli”, magħmula minn żewġ sunetti, jilmenta kif l-isforzi ta’ Vassalli biex jistabbilixxi l-Malti bħala lingwa indipendenti kienu qed jiġu imminati minn dawk li ma kinux jafu japprezzaw xogħlu. Fl-era ta’ Cremona, Malta kienet kolonja Brittanika, u l-valur kulturali u intellettwali tal-lingwa Maltija kienu jiġu miċħuda. Għalhekk, Cremona seta’ jara paralleliżmu fil-ġlieda tiegħu biex jgħolli l-istatus tal-lingwa Maltija ma’ dik ta’ Vassalli. Huwa sab ma’ wiċċu l-istess reżistenzi u indifferenzi li Vassalli ħabbat wiċċu magħhom fit-tentattivi tiegħu biex jippromwovi l-Malti u x’aktarx dan aktar kebbes id-determinazzjoni ta’ Cremona biex jibqa’ għaddej fil-ġlieda tiegħu.
Cremona miet fl-4 ta’ Jannar 1972 fl-età ta’ 91 sena.
Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg