Shubert twieled u trabba Casablanca, il-Marokk. F’din il-belt tgħallem l-importanza tat-teatru modern, it-tradizzjoni orali u r-rakkuntar tal-istejjer. F’żgħożitu żviluppa mħabba lejn l-iswed u l-abjad – iż-żewġ kuluri li l-inqas jistgħu jqarrqu bik, għax juruk ċarament x’inhuma u xi jfissru. Dawn iż-żewġ kuluri wassluh ukoll biex jiskopri xi kittieba Palestinjani u l-ħtieġa għal diskors politiku u ribelljoni fil-poeżija.
L-istil uniku minimalist ta’ Shubert huwa riflessjoni tal-viżjoni tiegħu tad-dinja, li tevolvi kontinwament waqt li huwa jikber u jinbidel. Jieħu l-ħin tiegħu biex jirriċerka u jesplora t-temi li jrid jindirizza, u qabel jibda jikteb iħejji bir-reqqa dak li jsensel f’moħħu. Għalih ir-reviżjoni hija parti importanti ta’ dan il-proċess, fejn jirfina l-għażla tal-kliem, itejjeb il-mixja tan-narrattiva, jiżviluppa kwalunkwe karatteristika tal-karattru u b’hekk jiżgura li x-xogħol jaħkmek u huwa konsistenti.
Fl-2023 Shubert rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-kategorija tal-poeżija permezz ta’ Imbagħad il-Qiegħ (2022). It-temi f’din il-ġabra huma l-imħabba, it-telfien u r-realtajiet ħorox li jappartjenu għall-kundizzjoni umana. Kull poeżija toffri ħarsa unika lejn dawn it-temi, fosthom id-diffikultajiet tar-relazzjonijiet personali, l-impatt tal-kapitaliżmu, is-sens ta’ ħtija, il-gwerra u l-ispostament/telfien, u t-tfittixja għas-sens ta’ identità tagħna; temi li kollha jenfasizzaw il-fraġilità tal-eżistenza tagħna waqt li nippruvaw noħolqu tifsira minnha.
Għal Shubert il-prijorità hija l-proċess emozzjonali – li jippermetti lill-qarrejja mhux biss jaqraw ix-xogħol imma anki jirriflettu fuq l-esperjenzi li l-kitba titfa’ dawl fuqhom. Skontu, li taqra jfisser li tirrikonoxxi li l-individwu jista’ jiġi affettwat mis-soċjetà, li ssir taf li min-naħa l-oħra l-individwu jaffettwa ’l-kollettiv, u l-istrutturi politiċi u tas-soċjetà għandhom impatt fuqna aktar milli nistgħu naħsbu. Il-qari jittrasformana u jfarraġna.
Xi awturi Maltin li jispiraw lil Shubert permezz tal-esplorazzjoni tagħhom tal-vulnerabbiltà flimkien mal-kwistjonijiet eżistenzjali u kif dawn jagħġnu l-ħajja huma Norbert Bugeja, Gioele Galea, Henry Holland, u Frans Sammut. Shubert qed ikompli jikteb permezz ta’ diversi proġetti li jiżvelaw kemm il-ġmiel kif ukoll l-uġigħ tal-eżistenza. Fil-kitba tiegħu għadu jesplora u jilgħab bl-esperjenzi u s-sensi umani, waqt li jidħol fin-natura doppja tal-ħajja u lil hinn minnha.
Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg