Meylak kienet tattendi l-Iskola Ċentrali f’Għawdex, u mbagħad bdiet taħdem mal-Gvern, fejn damet għal sbatax-il sena. Fl-1942 saret għalliema, xogħol li kien jagħtiha ħafna sodisfazzjon u li baqgħet tagħmlu sakemm irtirat għoxrin sena wara.
B’differenza mill-kittieba rġiel ta’ żmienha, Meylak tidher li ma kellhiex l-istess preokkupazzjonijiet eżistenzjali. Il-poeżija tagħha, minflok, hija mogħnija b’ċertezzi, primarjament fuq is-sbuħija tan-natura u l-ħniena t’Alla. Dawn l-aspetti, imżewġin mal-versi mexxejja u l-immaġinazzjoni rikka tagħha, jagħtu l-impressjoni żbaljata li m’hemmx profondità f’kitbietha u li l-kitbiet tagħha huma għat-tfal. Eżempju ta’ dan huwa l-poeżija “Flieli tal-Bettieħ”, li fiha, Meylak tħares lejn il-bettieħa b’għarfien, b’aġenzija u b’ġenerożità, simili għal dawk murija minn Alla, il-ħallieq tagħha. Kull felli jsir dgħajsa żgħira li ġġib il-ferħ lil dawk li jkunu qegħdin jistennew ħerqana li jduquha.
F’poeżija oħra, “Inżul ix-Xemx”, Meylak tiddeskrivi propju dan, inżul ix-xemx. Hija tevoka stampa sabiħa, kważi alkemika, bix-xemx bħala ballun tan-nar, u lewnha deheb jinħall. Imbagħad tqabbel din l-isplużjoni ta’ kulur ma’ qoffa fjuri li qegħdin jinbtu.
Id-determinazzjoni ta’ Meylak li tpitter id-dinja b’kuluri jgħajtu tqarraq b’ċerta skumdità bil-qagħda kontemporanja tad-dinja. Dan narawh fil-poeżija tagħha “Dudu tal-Ħarir”. Il-poeta tirrakkonta kif addottat dudu ċkejken tal-ħarir, daqslikieku huwa tifel jew tifla, u ppruvat trabbih skont in-normi tal-bniedem. Madankollu, l-ottimiżmu tagħha rrenda ruħu inutli għax id-dudu tal-ħarir ma setax imur kontra n-natura tiegħu. Meta fl-aħħar jinbidel f’farfett, Meylak ixxebbhu ma’ anġlu u tammetti li bħala xagħat, kien qisu “serp ikrah”.
Meylak għexet żewġ gwerer dinjin u kitbet ħafna poeżiji dwarhom li għadhom ma ġewx ippubblikati. Il-poeżiji huma patrijottiċi ħafna, u dan ikompli juri li hi kienet konxja minn dak li kien għaddej madwarha, u li l-fatt li ffukat fuq is-sabiħ tal-ħajja ma kienx neċessarjament ċaħda tar-realtà, iżda dan jaf kien att ta’ sfida. Tajjeb niftakru li Meylak għexet fi żmien meta l-valur tal-mara fis-soċjetà kien iddeterminat minn jekk kinitx miżżewġa jew le. Meylak ma kellhiex familja, imma minflok, baqgħet xebba, iffukat fuq il-karriera tagħha u tat ħajjitha lill-arti tagħha.
Miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Sephora Francalanza