Azzopardi twieled il-Ħamrun fl-1944. Huwa studja fil-Kulleġġ tal-Għalliema u mbagħad gradwa mit-Teatru tal-Komunità. Fil-bidu tal-karriera tiegħu, għallem l-arti, it-teatru u l-letteratura Maltija, u aktar tard għallem it-teatru modern fl-Università ta’ Malta. Dejjem kien membru influwenti tal-Malta Drama Centre. Azzopardi kien ukoll l-editur tar-rivista letterarja xellugija Neo, u tas-supplimenti kulturali Spektrum u Fokus.
Azzopardi l-ewwel ippubblika poeżiji f’ġabriet kollaborattivi: Antenni (1968), Analiżi ’70 (1970), Mas-Sejħa tat-Tnabar: poeżiji (1971) u Dwal fil-Persjani (1972). Huwa esperimenta bl-istil, introduċa l-vers projettiv u anke mess ma’ temi projbiti bħas-sesswalità, l-awtorità, ir-reliġjon u l-ipokrezija. Ħafna mill-poeżiji tiegħu huma kważi konfessjonali, ispirati minn T.S. Eliot u l-poeti Beat, waqt li hu jaqsam l-esperjenzi tiegħu ta’ indottrinazzjoni u anke tal-vjaġġi ermetiċi tiegħu hu u jfittex l-identità.
Xi xogħlijiet importanti ta’ Azzopardi huma Demgħat tas-Silġ (1976), Passiflora (1977), Tabernakli (1979), Monokordi (1984), Noti mis-Sanatorju tal-Mistiċi (1995) u Alicia Titkellem mill-Imwiet u stejjer oħra (2007). Fil-poeżiji tiegħu dejjem ikun hemm messaġġ soċjali, xi ħaġa fuqiex taħseb waqt li Azzopardi joħloq djalogu mal-qarrej. F’Demgħat tas-Silġ u Monokordi hemm it-tiftixa għall-verità u għall-awtentiċità. Il-qarrej iħoss u huwa maqtugħ mill-poeżija nostalġika Maltija tas-soltu, lejn il-preżent u lejn il-possibbiltà ta’ profondità fl-esperjenza veritiera u produttiva tal-mument kif inhu, kif ukoll tal-possibbiltajiet li hemm lil hinn. Huwa jilgħab b’dak li hu tradizzjonali u jagħtina xi ħaġa mhux mistennija, xi ħaġa moderna imma personali. Fil-poeżija ta’ Azzopardi hemm ħafna għaddej, jintqal ħafna, jiġi trażmess ħafna, iżda forsi ta’ min japprezza wkoll il-kwiet f’poeżija bħal din, kif ukoll dak li ma jintqalx. F’xogħol riċenti, Azzopardi jesplora xenarji mudlama u skomdi. Alicia Titkellem mill-Imwiet hija antoloġija fuq il-pedofelija, l-aljenazzjoni, il-manipulazzjoni, l-użu tad-droga, ir-razziżmu u l-preġudizzju. Dawn huma stejjer inkwetanti, mhumiex biss differenti imma jirrikjedu qarrej ġdid, moħħ ġdid.
Dak li jintgħaraf fil-pinna t’Azzopardi huwa s-sens ta’ ironija tiegħu, il-protesta, l-ambigwità, id-drama, ir-responsabbiltà soċjali u l-faxxinu b’dak li hu makabru. Joqgħod attent ħafna għad-dettalji, imma fl-istess waqt, huwa vag; hemm sens dejjaq ta’ wġigħ u telfien li jgħaqqad kollox flimkien iżda fl-istess ħin iħalli xi ħaġa mixtieqa.
Xi ħaġa partikolarment kontradittorja hija t-tiftixa ta’ Azzopardi għall-identità; it-tiftixa tiegħu donnha għaddejja f’moħħu, imma l-ispirtu ribelluż tiegħu jmur kontra kwalunkwe forma ta’ tifsir. B’dawn il-modi Azzopardi eleva u ta l-ħajja lil-lingwa u l-ħsieb Malti. L-appell tiegħu? Biex nisimgħu lil dawk l-ilħna interni, ir-ritmi l-iżjed ġewwiena … u li nisfruttraw kull rokna.
Miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Sephora Francalanza