Brockdorff, imwielda Mahoney, twieldet l-Isla fl-1930. Studjat it-Teoloġija fl-Università ta’ Malta u kompliet bl-M.A. fit-Teoloġija u l-Istudji Umanistiċi. Ħadmet fix-xandir kif ukoll bħala għalliema tal-primarja. Wara waqfa mill-karriera biex trabbi lill-erba’ wliedha, hi bdiet tgħallem l-Ingliż u l-Istudji tal-Midja fil-livell sekondarju. Illum hi taħdem, tagħti taħditiet u tikteb ħafna dwar l-ispiritwalità.
Il-kitba ta’ Brockdorff iddur mas-sens ta’ komunità, kif jevolvu r-relazzjonijiet u l-effetti tal-azzjoni u r-reazzjoni – il-konsegwenzi – tal-karattri tagħha. Tippreferi tikteb l-istejjer qosra u kitbet ʼil fuq minn 440 storja. Għandha ispirazzjoni qawwija mill-istejjer fl-Evanġelji, kemm fl-istejjer u kemm fil-poeżiji. L-awtobijografija tagħha Sireni u Serenati (2004) tiddeskrivi t-tfulija tagħha u tiffoka b’mod partikolari fuq iż-żmien tat-Tieni Gwerra Dinjija. Dan ix-xogħol rebaħ l-ewwel post fil-premjijiet tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Fl-2019, dan ix-xogħol ġie maqlub għall-Ingliż minn Alfred Palma bl-isem ta’ Serenades among the Sirens. Brockdorff għandha tliet xogħlijiet li huma l-aktar għal qalbha: “Tini Jdejk” (1975), “Ħaristlu f’Għajnejh” (1998) u Luciano (2019). Il-poeżija “Tini Jdejk”titkellem dwar ix-xewqa kuntrastanti li persuna tidher u fl-istess waqt tibqa’ moħbija. Dan iseħħ ġewwa knisja fejn il-protagonista tibqa’ waħidha, anke jekk hemm grupp li qed ikantaw innijiet ta’ tifħir u mħabba. Titkellem ma’ Ġesù fuq is-salib u tirrifletti dwar ħsus ta’ vulnerabbiltà u meta wieħed iħossu li ma jiswa għal xejn, xi jfisser li tkun fil-preżenza tas-sagru u d-divin, u fuq li wieħed fl-aħħar mill-aħħar jaċċetta s-sitwazzjonijiet.
“Ħaristlu f’għajnejh” hija storja qasira intensa u personali, ispirata minn żewġ ġrajjiet bibliċi. Tiddeskrivi lil Ġesù bħala tifel żgħir li qed jilgħab man-neputi tal-ġirien tiegħu. Is-suldati Rumani, għaddejjin bit-trott minn quddiemhom, jimlewhom bit-tajn, u t-tifel jimsaħ wiċċ Ġesù. Aktar tard f’ħajtu, dan l-istess tifel, issa raġel, jiġi mitlub minn suldat Ruman biex jgħin lil Ġesù jġorr is-salib; għajnejhom jiltaqgħu u mill-ewwel jagħrfu lil xulxin. Ix-xogħol l-ieħor ta’ Brockdorff hu ambjentat lokalment. F’Luciano nsegwu sensiela ta’ ġrajjiet intriganti, li jseħħu qabel u waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija, li jduru mal-mewt ta’ omm u t-twelid ta’ binha. Din il-ġrajja tgħaqqad żewġ familji u tbiddlilhom ħajjithom għal kollox.
Brockdorff tkompli tispira ruħha mill-ħajja, in-nies u l-postijiet. Olivia u Stejjer Oħra (2022) hija l-aħħar ġabra ta’ stejjer qosra, 35 waħda b’kollox. Tpoġġi lilha nnifisha bħala l-ispettatriċi, id-dubbiena fuq il-ħajt li tosserva ħafna stejjer u esperjenzi, u dan iġiegħel lill-qarrejja jieqfu, jempatizzaw mal-karattri u jifhmu x’jiġifieri tkun maqbud fl-ispazji tal-bejn, li tkun xi ħaġa u fl-istess ħin ma tkun xejn.
Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Keith Borg