Sciberras kienet id-Deputat Librara fl-Università ta’ Malta mill-1984 sal-1992, u mbagħad poġġiet fuq diversi kumitati u bordijiet relatati. Fl-2001 hija kisbet Dottorat mill-Kulleġġ ta’ Ealing f’Londra, b’teżi bl-isem Melitensia: Information Resource and National Memory. L-imħabba ta’ Sciberras għall-kitba ssenslet fil-kuxjenza tagħha minn kmieni, peress li t-talent prekoċi għall-komponimenti tal-iskola wassal għall-passjoni tagħha għall-poeżija. Sciberras tgħid li hi ma qabditx it-triq tal-letteratura b’mod konxju, u tinsisti li mhijiex kittieba letterarja “prolifika”, imma l-isforzi poetiċi bikrin tagħha għandhom importanza politika u storika sinifikanti. Hija l-unika poeta mara li xogħolha deher fl-antoloġija importanti Malta: The New Poetry: An Anthology of Modern Maltese Verse (Klabb Kotba Maltin, 1971), u l-involviment tagħha fil-movimenti femministi bikrin f’Malta wassal biex issemma’ leħinha u dan imbagħad wassal għal bidliet soċjali sinifikanti. Wara li qrat il-poeżiji tagħha f’Belgrad, f’Berlin u f’Lodève (fi Franza), Sciberras saret konxja tal-mużikalità sabiħa ta’ lsien art twelidha.
Iżda l-immersjoni regolari tagħha f’għażla wiesgħa ta’ kotba żgur ikkontribwiet għall-mewġa intertestwali – u bilingwi – rikka li tikkaratterizza l-maġġor parti ta’ xogħlijietha. Bħala librara, il-familjarità tagħha mal-firxa wiesa’ tal-idjoma letterarja hija ovvja, u l-influwenzi tagħha jvarjaw minn kittieba lokali kbar bħal Oliver Friggieri, Mario Azzopardi, Maria Grech Ganado u ħafna oħrajn, għal kittieba kbar tal-fantasija li jiktbu bl-Ingliż bħal Haruki Murakami, Neil Gaiman u David Mitchell.
Bħal ħafna kittieba f’Malta, Sciberras hija wkoll konxja li teżisti bejn żewġ lingwi simultanjament. Għal Sciberras, din id-diviżjoni timmanifesta ruħha b’mod pjuttost ċar: hi tikteb il-poeżija bil-Malti u l-proża bl-Ingliż. Sciberras ħarġet l-ewwel rumanz tagħha Shadows in Penumbra (Horizons) fl-2016. In-natura ta’ mbuttatura fil-kitba tal-proża narrattiva – il-bżonn li ssir taf, li taħmi ‘x’se jiġri wara’ – wassal lil Sciberras biex tiddevja mill-mudelli ta’ kitba li hi aktar imdorrija tuża fil-poeżija. Fil-każ tal-proża, Sciberras aktar tfittex li tistabbilixxi rutina, li tirritorna għall-kitba wara intervalli regolari.
Miktuba minn Teodor Reljić u maqluba għall-Malti minn Sephora Francalanza