Fil-kitba tagħha għaż-żgħażagħ, Ellul għandha faxxinu u tipprova tesplora suġġetti sensittivi, bħalma huma l-mard terminali u l-kundizzjonijiet psikoloġiċi. Pereżempju l-protagonista ta’ Gramma (Merlin Publishers, 2015), l-ewwel rumanz tagħha, tbati minn kundizzjoni marbuta mal-ikel. Ir-rumanz li jmiss ta’ Ellul jindirizza l-ġrieħi li persuna tikkawża lilha nnifisha. Ellul tittratta suġġetti bħal dawn b’mod sottili, u tinfilsa fil-kitba tagħha l-umoriżmu u l-logħob bil-kliem – speċjalment bl-użu tal-paronomażja. Permezz ta’ mekkaniżmi stilistiċi bħal dawn, tevita l-klixejiet li għandhom it-tendenza jintużaw f’dan il-ġeneru, apparti l-fatt li t-trattament tal-problemi taż-żgħażagħ huwa prattikament minsi fil-kitba għal din l-udjenza. Filwaqt li tirreżisti l-idea li l-letteratura tintuża bħala għodda ta’ tagħlim jew biex timmoralizza, hija xorta waħda konxja tal-irwol indirett li għandha l-letteratura li tqajjem kuxjenza. Xogħolha parzjalment għandu l-intenzjoni li jindirizza l-lakuna fil-letteratura Maltija fuq suġġetti bħal dawn. Permezz tal-kreattività stilistika tagħha, il-mod kif Ellul tittratta suġġetti skomdi jsir esplorazzjoni tal-fraġilità u l-vulnerabbiltà tar-relazzjonijiet umani.
B’kuntrast mal-kitbiet tagħha għall-qarrejja żgħar, li jtaffu mis-serjetà tas-suġġett permezz tal-umoriżmu, il-kitbiet ta’ Ellul għall-adulti għandhom fil-qalba tagħhom avvenimenti ta’ diqa marbutin mal-familja, mal-imħabba, mat-telfien u mal-baħar. Minn naħa, hemm il-ħlewwa, il-kreattività u l-imħabba għall-mużika tan-Nanna Girasola fil-ktieb tat-tfal L-Istorja ta’ Seb it-Tieni (u ta’ Seb l-Ewwel ukoll) (Merlin Publishers, 2019), u min-naħa l-oħra hemm it-telfa ta’ nannitha stess, titbiegħed bid-daqq tas-sireni tal-ambulanza, fil-ġabra ta’ poeżija L-Inventarju tal-Kamra l-Kaħla (Merlin Publishers, 2020). Imma jkunu min ikunu l-qarrejja f’moħħ Ellul, il-karattri tagħha huma dejjem karattri mimlija ħajja, mogħnija b’element ta’ gost, kemm fid-deskrizzjoni tagħhom, kif ukoll fil-mod kif jitkellmu. Dak li ma jintqalx, l-ispazju bejn il-kliem, hu importanti daqs dak li jinkiteb.
Ellul tqis il-kitba bħala strument li jiftaħ spazju fejn tesplora temi u diskorsi kurrenti. Hija tiddeskrivi l-proċess tal-kitba tagħha bħala serje ta’ ċikli editorjali. Kittieba dixxiplinata; il-proċess tagħha tal-editjar iġegħelha tfettaq fid-dettalji tal-lingwa, li hi tqis bħala materjal tari, lest għat-tinqix. Hemm sens ta’ esplorazzjoni li jillibera fix-xogħlijiet ta’ Ellul, u dan jimmarka l-kitba tagħha u l-identità tagħha bħala awtriċi.
Bijografija miktuba minn Stephanie Xerri Agius u maqluba għall-Malti minn Sephora Francalanza