L-ewwel xogħol ippubblikat tiegħu deher fl-1997 meta kkontribwixxa bil-poeżija “Roadblock” għall-antoloġija ppubblikata minnu stess, Frekwenzi ta’ Spirti fis-Sakra. Imbagħad kien hemm il-ġabra ta’ novelli Taħt il-Kappa tax-Xemx (Minima) fl-2002, li qiegħdet lil Schembri fil-lista ta’ ilħna letterarji alternattivi li bdew jagħmlu parti mid-dar tal-pubblikazzjoni żgħira Minima li għomorha kien qasir imma kienet ta’ influwenza kbira. Però kienet il-pubblikazzjoni tal-ewwel rumanz tiegħu Il-Manifest tal-Killer (Choppy Books, 2006) li kkonfermat post Schembri bħala leħen letterarju notevoli u urġenti. Saħansitra l-kittieb veteran ewlieni Mario Azzopardi ddeskriva dan ix-xogħol bħala l-ewwel xogħol verament “anarkista” tal-letteratura Maltija. Ir-rakkont huwa dwar grupp ta’ persuni maqtugħin mis-soċjetà li jingħaqdu biex jiġġieldu n-narrattiva politika dominanti permezz ta’ azzjoni sovverżiva. Ir-rumanz jaqbad ir-realtajiet tal-korruzzjoni politika, l-ipokrezija morali u s-skiet istituzzjonali u jagħtihom xeħta fittizja bl-użu tas-satira. Schembri kien iħabbat wiċċu mat-tliet realtajiet imsemmija ta’ sikwit fis-snin li qatta’ jaħdem bħala ġurnalist mal-midja nazzjonali.
Il-ħajja professjonali ta’ Schembri kellha tkompli tespandi u tevolvi - huwa mexa għall-ġurnaliżmu internazzjonali u telaq minn Malta fl-2009 biex imur jaħdem bħala ġurnalist ma’ aġenzija tal-aħbarijiet Palestinjana ġol-Palestina okkupata, qabel ma beda jokkupa rwoli marbutin mal-midja f’istituzzjonijiet umanitarji bħal Oxfam, Save the Children u l-Kunsill Norveġiż tar-Refuġjati. Il-poeżiji u l-istejjer qosra tiegħu baqgħu jidhru f’diversi antoloġiji, kemm lokali, kif ukoll internazzjonali. Madankollu, il-legat ta’ Il-Manifest tal-Killer jibqa’ jissupera r-reputazzjoni letterarja ta’ Schembri u prova ta’ dan huwa l-ħruġ ta' edizzjoni oħra tar-rumanz fl-2020 mid-dar tal-pubblikazzjoni prestiġġjuża Merlin Publishers - fenomenu rari fil-qasam tal-pubblikazzjoni f'Malta. Schembri jgħid li r-rumanz issa dar dawra sħiħa, għax jikkonferma li s-sistema politika istituzzjonalment staġnata f’Malta għadha waħda li tippermetti s-satira bl-istess għodod li uża hu fl-2006, minkejja l-bidliet - ħafna minnhom kożmetiċi - li jidher li saru fix-xena minn dak iż-żmien ’l hawn.
Iżda l-2020 kienet ukoll sena għall-esperimentazzjoni, mhux għal żjajjar mill-ġdid biss. Għal Merlin Publishers ukoll, Schembri kkollabora mal-illustratriċi Alice Samuel fuq il-ktieb bl-istampi għat-tfal It-tifel li salva d-dinja (Merlin Publishers, 2020). Dan juri l-versatilità ta’ Schembri bħala kittieb li hu kapaċi jittrasforma idea li oriġinarjament kien ħażżiżha fuq biċċa napkin f’kafetterija ġol-Kajr fl-2013, fi storja universali u kumplessa fuq tifel li jħossu waħdu u li għalhekk isensel ħbiberija immaġinarja max-xemx. The Lulu Diaries (Ede Books, 2020) iżid pinzellata mal-lista ta’ kotba ppubblikati minn Schembri riċentament, billi dan huwa ktieb ta’ poeżija ispirat minn ferħ ta’ qattus li daħal f’ħajjet il-kittieb bla mistenni meta kien qed joqgħod f’Gaża fl-2012.
Karl Schembri issa joqgħod f’Amman, il-Ġordan, ma’ martu Simine, mal-kelb Mitti u mal-qtates Munzer u Mario.
Miktuba minn Teodor Reljić u maqluba għall-Malti minn Sephora Francalanza