JuannMamo

1.

Bijografija

Wara mewtu fit-28 t’April 1941, u għal ħafna snin wara, Juann Mamo kien kważi ntesa għal kollox. Kien bl-isforzi tal-mibki Professur Oliver Friggieri li xogħol Mamo ħa l-attenzjoni u r-rispett li bla dubju jistħoqqlu.

Mur fil-biblijografija

Imwieled f’Ħal Luqa fit-28 ta’ Settembru 1886, Mamo għex ħajja donnha ħierġa minn xi rumanz pikaresk: għamel fuq sitt snin il-ħabs fuq akkuża ta’ attentat ta’ qtil; kellu ħbiberija mal-kittieb kontroversjali, filosfu u ħabrieki tar-riformi soċjali Manwel Dimech; żar l-Ewropa kemm -il darba; ippubblika ktieb dwar il-maġija, xorb b’poteri maġiċi u seħer; u ktieb dwar it-twelid tat-trabi li ġabu fl-inkwiet mal-Knisja minħabba l-illustrazzjonijiet grafiċi. Baqa’ għaddej hekk sal-aħħar – fil-fatt, ġismu mejjet instab fil-qiegħ ta’ wied wara li kien ilu rrappurtat nieqes għal diversi jiem. Iċ-ċirkustanzi tal-mewt tiegħu għadhom misteru sal-ġurnata tal-lum.

Kmieni f’ħajtu, Mamo ħalef li ma jintrabat mal-ebda ideoloġija politika għax kien jemmen li l-fqir u l-magħkus dejjem se jsofru, irrispettivament mill-partit li jkun qed imexxi l-pajjiż. Dan it-twemmin kien xi ftit kontradittorju: kellu simpatiji lejn il-Partit tal-Ħaddiema u fl-istess waqt kien ifaħħar ir-renju Ingliż taħt Gerald Strickland.

Xbieha ċentrali li mmarkat lil Mamo fuq dak li kien qed jiġri madwaru hi l-kunflitt bejn id-dawl u d-dlam. Skontu, id-dlam huwa n-nuqqas ta’ opportunitajiet biex wieħed itejjeb lilu nnifsu u t-trażżin intenzjonat tal-edukazzjoni li dawk privileġġjati imponew fuq il-mases. Dan kien jinkludi l-aċċess limitat għall-informazzjoni dwar dak li kien qed jiġri f’Malta u ʼl barra minnha. Mill-banda l-oħra, id-dawl hu l-għerf, il-moħħ miftuħ li jitrawwem bl-edukazzjoni u l-kisba ta’ ħiliet li wieħed għandu bżonn biex ma jispiċċax vittma ta’ xi ideoloġija jew fanatiżmu.

Din id-dikotomija bejn id-dawl u d-dlam narawha tispikka fix-xogħol ċelebri tiegħu, Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka, sensiela ta’ ġrajjiet traġiċi-umoristiċi dwar grupp ta’ Maltin li jivvjaġġaw sal-Amerka biex “jagħmlu kemxa” u jirritornaw sinjuri. Dawn il-ġrajjiet fihom satira li taqta’ fil-laħam il-ħaj għaliex Mamo jurina t-traġedja moħbija wara l-opportunità tad-deheb li kellhom dawn il-Maltin iżda li ma kellhomx il-mezzi u l-ħiliet neċessarji biex japprezzawha. Mill-bidu, Mamo jistabbilixxi n-natura ta’ sfruttar tal-elit, personifikata fil-karattru tan-nutar xħiħ, li minkejja li jaf it-tbatijiet li nies komuni jgħaddu minnhom ta’ kuljum, ma jaħsibhiex darbtejn biex jisloħhom meta jiġu biex iħallsu għas-servizzi tiegħu.

Madankollu, Mamo jirrimarka li dan kollu ma jiġrix biss minħabba sistema falluta; il-karattri huma responsabbli wkoll għall-isfortuna tagħhom. Minkejja li ngħataw din l-okkażjoni biex jibdew mill-ġdid f’art tant kbira u magħrufa għall-ħelsien u l-opportunitajiet tad-deheb - il-ħolma Amerikana - il-karattri stess jagħmlu sabutaġġ fuqhom infushom ma’ kull pass li jieħdu. Huma wisq magħġunin fil-metodi tagħhom u jibqgħu jirrepetu l-istess żbalji li ma jwassluhom imkien. Tant hu hekk li Filiċ, l-aktar wieħed intelliġenti fosthom, jaqbad u jitlaq minn mal-grupp, biex ifittex ħajja aħjar mingħajr ma sħabu jżommuh lura.

Mamo kien kritiku ikonoklasta li, f’mument jew ieħor matul ħajtu, qaras jew dejjaq kważi lil kulħadd. Imma minbarra l-ħiliet letterarji tiegħu, kienet din il-vuċi bla kompromessi, li poġġiet lil Mamo mal-aqwa awturi Maltin.

Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Keith Borg

2.

Biblijografija

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies