Bonello twieled Ħad-Dingli fl-1976. Studja l-arti, l-istorja tal-arti u l-lingwi (il-Malti, it-Taljan, u l-Ingliż) u kiseb diplomi fl-editjar, il-kitba kreattiva, il-copywriting, u l-qari tal-provi. Kiseb ukoll diploma ogħla fl-istudju tal-kompjuters. Jaħdem bħala editur tal-kontenut. L-istudji ta’ Bonello fl-arti u l-lingwi flimkien mal-kotba l-aktar għal qalbu jinfluwenzawlu l-istil u l-mod preferut tiegħu tal-kitba – huwa għadu sa issa jikteb l-ewwel abbozz tal-manuskritt b’idejh minħabba li għalih, l-att tal-kitba bl-idejn huwa fih innifsu forma ta’ arti.
Is-serje tal-Investigatur Irvin Vella nibtet waqt li Bonello kien qed jesperimenta bil-kitba polizjeska – il-protagonist żagħżugħ huwa l-prodott ta’ xogħol ieħor li għadu ma ġiex ippubblikat. F’dawn l-istejjer mhux ippubblikati, l-investigatur tant maħbub qed jiġi mgħallem minn wieħed mill-karattri oriġinali. L-esperimentazzjoni hija ċentrali fix-xogħol ta’ Bonello, u magħha l-kollaborazzjoni ma’ kittieba u artisti oħrajn. Pereżempju, The Taár jew It-Taár (2017) inkitbu u ġew ippubblikati mill-awtur innifsu bl-Ingliż u l-Malti, kif ukoll inħarġu fl-istess żmien. Is-serje “Il-Logħba tal-Allat” hija storja ta’ tlett itfal li jsibu ruħhom f’univers parallel u wara li jiftħu bieb, tinqalgħalhom il-ħtieġa li jwettqu xi xogħlijiet. L-ewwel ktieb minn din is-serje, fl-2008 ngħata l-unur Ġieħ Ħad-Dingli, waqt li t-tieni u t-tielet ktieb rebħu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2009 u fl-2011 rispettivament. Din is-serje nqrat ukoll fuq ir-radju minn Anton Grasso.
Is-serje għall-adulti “Unus Mundus” hija miktuba fl-ewwel persuna. Waqt li fil-qalba tagħha hemm l-ivvjaġġar minn żmien għal ieħor, tindirizza b’mod aktar profond il-kuntrast inerenti fl-umani, fid-dawl u d-dellijiet tagħhom. The Transmissions (2019) kien proġett interessanti – miktub fuq is-sit Medium matul perjodu ta’ sittin ġimgħa. Kull ġimgħa, Bonello kiteb episodju ta’ mitt kelma li kien xprunat mir-rispons li kien jirċievi. Fl-2024 Bonello ħareġ it-traduzzjoni tat-triloġija “The Three-Body Problem”, bl-isem “Il-Problema tat-Tliet Korpi”.
Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg