Sharples huwa konxju ħafna tal-ħsibijiet eżistenzjali li nġorru magħna u tat-tradizzjonijiet li nitwieldu fihom. Dan iwasslu biex jistieden lill-qarrej biex jesperjenza l-istejjer il-kbar tal-bnedmin – l-imħabba, il-mewt, in-niket, l-innoċenza, il-vjaġġ – b’tali mod li jirrispetta lill-passat filwaqt li huwa msawwar sew fil-kontemporanju.
Fil-ġabra ta’ poeżiji tiegħu Ra (Klabb Kotba Maltin, 2019), ġabra li, kif jindika isimha, hija ispirata mill-alla Eġizzjan antik tax-xemx, huwa jagħraf l-għeruq mitoloġiċi tas-suġġett, kompletament konxju tal-fatt li dawn għadhom preżenti fil-psike kollettiv tagħna. Il-motiv rikurrenti tax-xemx, pereżempju, jimmanifesta ruħu f’diversi modi, ħafna drabi kontradittorji. Fil-poeżija “Fuq il-Gżira ta’ Patmos”, ix-xemx hija forza distruttiva li tagħmi lill-persona tal-poeta b’dawl tant qawwi li l-persona tispiċċa f’abbiss solitarju ta’ dlam. Ix-xemx tnixxef l-art, tixrob l-enerġija kollha, u tirrovina kull ħaġa li taqa’ taħt ħarsitha: kważi vampiriku l-mod kif teqred il-ħajja sistematikament. F’kuntrast, ix-xemx fil-poeżija “Meta nisma’” hija għajn ta’ tama, ta’ żerniq ġdid mogħni bis-serenità u bil-kuntentizza tal-kumpanija.
Sharples ġej minn sfond mużikali u xjentifiku. Huwa għandu Masters fil-kompożizzjoni tal-mużika minn Goldsmiths College f’Londra, u BSc fl-Infermerija mill-Università ta’ Malta. Fil-fatt, fil-poeżija tiegħu jixref kemm il-kompożitur u anke x-xjentist. Il-poeżiji fl-ewwel antoloġija tiegħu, Il-Qtar li Nħobb (Horizons, 2016), huma maqsumin f’sezzjonijiet li jirrappreżentaw il-ħinijiet differenti tal-ġurnata, u kull sezzjoni tiftaħ b’ħajku, struttura li tfakkarna fil-movimenti mużikali. Kemm fil-ġabra Qtar u kemm f’Ra, il-poeżiji huma mqassmin skont it-tema, u kollha huma datati. Kull xogħol individwali għalhekk isir kampjun ta’ idea jew emozzjoni marbuta ma’ realtà temporali speċifika, li permezz tal-espressjoni poetika tagħha, timxi mill-personali għall-universali.
F’kitbietu, Sharples jagħraf li bħala speċi, aħna għandna l-għeruq tagħna f’passat rikk u varjat, iżda huwa propju dan il-passat li jagħti valur u jipprovdi l-għarfien meħtieġ fuq min aħna bħalissa.
Miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Sephora Francalanza