Jean PaulBorg

1.

Bijografija

Il-kittieb u traduttur Jean Paul Borg, imwieled fl-1980, skopra l-passjoni tiegħu lejn il-kitba wara li attenda l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta fl-2012. Wara li sema’ lill-awtriċi Palestinjana Suad Amiry taqra f’dan l-avveniment, Borg kien intrigat li jkompli jindaga f’xogħolha.

Mur fil-biblijografija

Kien hemm silta partikolari mill-kitba tagħha li baqgħet tberren f’moħħu, u ddeċieda li jittraduċiha mill-Ingliż għall-Malti. Minn silta waħda saru ħafna, u wara li Borg għamel kuntatt ma’ Amiry – li l-inkoraġġiment u l-kariżma tagħha kienu ta’ motivazzjoni kbira għalih – huwa eventwalment lesta l-ewwel xogħol tiegħu li kellu jiġi ppubblikat: traduzzjoni tar-rumanz ta’ Amiry, bl-isem Sharon u l-Kunjata. Il-ktieb ġie ppubblikat mis-Sensiela Kotba Soċjalisti (SKS) fl-2015.

Borg jgħid li l-kaġun tal-wasla ‘tardiva’ tiegħu fil-letteratura hija l-karriera preċedenti tiegħu, li hu ħalla warajh fl-aħħar snin biex jaqbad triq li tagħtih aktar sodisfazzjon. Wara l-esperjenza tiegħu ta’ 20 sena jaħdem f’bank dinji, huwa għeja ideoloġikament, u sab refuġju fis-settur volontarju, partikolarment permezz tal-organizzazzjonijiet li jgħinu lil dawk li jkunu qegħdin ifittxu kenn f’Malta. Filwaqt li mhijiex esklussivament miżgħuda bir-rakkonti ta’ persuni minn barra l-Ewropa li jispiċċaw iltiema fil-gżejjer Maltin u jkollhom jinnegozjaw il-mogħdijiet tagħhom bil-preġudizzji u l-inġustizzji li jaffaċċjaw, l-ewwel antoloġija ta’ novelli ta’ Borg Mhux Nies tħares b’kumpassjoni u b’kumplessità lejn l-Ieħor fis-soċjetà, billi taqbad għażla varjata ta’ nies f’mumenti importanti f’ħajjithom.

Borg qajla hu t-tip ta’ kittieb li kien jikteb sa minn tfulitu, imma hu parti mill-grupp ta’ kittieba Maltin li jidhru li salvaw il-lingwa mit-theddida ta’ rispett riġidu. Wara li għażel li jieħu r-rotta akkademika fil-letteratura Maltija snin wara li interessa ruħu fix-xena, Borg sab ruħu intrigat minnha għall-ewwel minn aspetti relattivament ‘populisti’. Dawn jinkludu l-kitba bikrija tal-hekk imsejjaħ enfant terrible fil-letteratura Maltija tal-bidu tas-snin 2000, Ġużè Stagno, kif ukoll permezz tal-mużika u l-lirika xierfa u awdaċi tal-grupp pop-folk Brikkuni, li skont Borg, reġa’ għamel il-Malti ‘cool’.

Huwa jsemmi wkoll awturi bħal Pierre J. Mejlak, Clare Azzopardi, Immanuel Mifsud u Walid Nabhan bħala l-influwenzi ewlenin tiegħu. Dawn huma kollha assoċjati sewwa mal-għaqda volontarja letterarja lokali Inizjamed, li torganizza l-istess festival annwali li wassal lil Borg biex jintebaħ bis-sejħa letterarja tiegħu. Il-mixja daret ċirku sħiħ meta Borg intlaqa’ fl-eżekuttiv ta’ Inizjamed, u mbagħad sar ukoll il-kordinatur tal-għaqda. Huwa jagħti mertu lill-organizzazzjoni talli wasslitu biex jirrealizza li l-letteratura mhijiex biss kotba, u li ġegħlitu jħossu speċjali għall-ewwel darba fi żmien twil.

Bijografija miktuba minn Teodor Reljić u maqluba għall-Malti minn Sephora Francalanza

2.

Biblijografija

Salib

Proża
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
EDE Books

Damasku Tiegħi

Proża
Malti
Kitba
Traduzzjoni
Jean Paul Borg
Pubblikazzjoni
Klabb Kotba Maltin, Malta

Imkejjen u Rkejjen

Proża
Malti
Kitba
Traduzzjoni
Jean Paul Borg
Pubblikazzjoni
Ede Books, Malta

Mhux Nies

Proża
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Klabb Kotba Maltin, Malta

Sharon u l-kunjata

Proża
Malti
Kitba
Traduzzjoni
Jean Paul Borg
Pubblikazzjoni
SKS, Malta
Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies