Bdiet tittraduċi għax kellha bżonn. Ommha ma kinitx titkellem bil-Malti, u għalhekk kultant iċ-ċkejkna Mangion kellha timpenja ruħha biex jinqalgħu minn sitwazzjonijiet skomdi. Dan xpruna l-interess tagħha fit-traduzzjoni li, flimkien mal-passjoni tagħha għall-qari, wassluha biex fl-iskola tistudja l-lingwi.
Mangion hija fluwenti fil-Malti, l-Ingliż, il-Ġermaniż, it-Taljan u l-Ispanjol, u tittraduċi l-aktar għall-Ingliż, il-Franċiż u l-Malti. Kompliet l-istudji tagħha fl-Università ta’ Strassburgu fi Franza u l-Università ta’ Mainz fil-Ġermanja. Kisbet Maġisteru fit-Traduzzjoni mill-Università ta’ Montpellier. Ħadmet bħala traduttriċi indipendenti kif ukoll għal kumpaniji fir-Renju Unit, Spanja, Franza u l-Belġju.
Mument kruċjali fil-karriera tagħha seħħ waqt l-ewwel kors ta’ traduzzjoni letterarja tagħha, meta professur Amerikan inkarigat mill-kors, kiseb kuntratt ta’ traduzzjoni ta’ ktieb għall-klassi kollha. Minkejja li għaddew diversi snin sakemm għażlet it-traduzzjoni letterarja bħala karriera, din l-esperjenza tatha sodisfazzjon u fetħitilha għajnejha għal dan it-tip ta’ traduzzjoni.
Matul l-edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta tal-2014, il-poeta Norbert Bugeja, li miegħu kkollaborat fit-traduzzjoni tal-antoloġija tiegħu Bliet għall-Ingliż, introduċieha mal-awtur Abdulrazak Gurnah li, snin wara, fl-2021 rebaħ il-Premju Nobel għal-Letteratura. Gurnah esprima ammirazzjoni profonda lejn it-tradutturi u l-irwol tagħhom li jippermetti lill-istejjer jivvjaġġaw minn post għal ieħor. Matul iż-żmien, inkontri bħal dawn ma’ awturi rinomati ħeġġew il-passjoni u l-entużjażmu ta’ Mangion għat-traduzzjoni.
Mangion tittraduċi kemm poeżija kif ukoll proża, imma tippreferi l-poeżija. Tieħu gost tidħol fir-ritmu, il-mużikalità, il-forma u r-rima, tidħol fil-konċiżjoni ta’ proċess bħal dan, li jwassalha biex taqbeż minn poeżija għal oħra bla xkiel.
Għal Mangion, it-traduzzjoni tal-proża hija aktar simili għall-kitba ta’ test. Dan jippreżenta l-isfidi tiegħu, bħall-attenzjoni għar-reġistru, l-islang u d-diskors dirett.
Xi ħaġa oħra li tolqot lil Mangion hija li l-proċess tat-traduzzjoni jippermettilha toħroġ il-vuċi tat-traduttur, anki jekk b’mod sottili. Meta possibbli, Mangion tieħu gost tikkollabora mill-qrib mal-awtur, għax temmen li dan iwassal għall-aqwa riżultati.
Mangion kienet involuta f’diversi proġetti bħar-rotta letterarja tar-Rabat u l-proġett tal-ġabra ta’ novelli Iż-Żmien Kurjuż taż-Żgħożija li kien parti mill-proġett A.S.K.(ING) You(th). Dawn iż-żewġ proġetti kienu kkoordinati minn HELA u Clare Azzopardi, Leanne Ellul, Adrian Grima u Glen Calleja kienu fost il-kittieba fil-proġett A.S.K.(ING) You(th). Ittraduċiet ukoll poeżiji li nqraw f’diversi avvenimenti prestiġjużi bħall-Edinburgh Fringe Festival, il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, il-Festival tal-Letteratura ta’ Vjenna u l-Festival Voix Vives f’Sète, Franza. Ħadet sehem f’workshops u kienet waħda mill-ġurati tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef tal-2023.
Fl-2023 akkumpanjat lil Norbert Bugeja f’Pariġi għat-tnedija ta’ Oublie qu’elle n’est pas là, it-traduzzjoni tal-antoloġija tal-istess Bugeja Insa li Mhijiex Hawn, ippubblikata minn pubblikatur Franċiż u ppreżentata fil-festival Marché de la poésie.
Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg