Bonnici ħadem għall-vernakular tal-Malti meta l-biċċa l-kbira tan-nies kienu qed jitqabdu bejn il-lingwa Ingliża u Taljana. Matul din it-taqbida, ippubblika żewġ kotba xjentifiċi bil-Malti: It-Trobbija tat-Tfal (1932) u Il-Ġmiel ta’ Ġisimna (1939).
Fl-1931, flimkien ma’ tabib bħalu, Rużar Briffa, waqqaf l-Għaqda tal-Malti — Università biex jistabbilixxi l-lingwa Maltija bħala mezz kif jitrawmu l-kultura u l-impenn intellettwali. Għal xi żmien kien ukoll l-editur tal-ġurnal tal-Għaqda, Leħen il-Malti, li l-ewwel ħarġa tiegħu ġiet ippubblikata f’Marzu tal-1931.
Fl-1938, Bonnici xtara minn butu d-dar tal-pubblikazzjoni Excelsior fil-Belt Valletta. Fiż-żmien qasir li kellu din id-dar f’idejh, ippubblika għadd ġmielu ta’ pubblikazzjonijiet minn awturi fil-kanonu tal-letteratura Maltija bħalma huma Ġużè Aquilina, Ġużè Ellul Mercer, Ġużè Galea u Dun Karm Psaila. Barra minn hekk, Bonnici ppubblika wkoll żewġ rumanzi tiegħu, Il-Qawwa tal-Imħabba u Ħelsien.
Bonnici kien ukoll attiv ħafna politikament fil-Partit Laburista. Bejn l-1926 u l-1929, kien delegat tal-Partit, membru tal-Kumitat Eżekuttiv, u Segretarju Distrettwali tal-Belt Valletta. Fl-1931 kiteb L-Istorja tal-Partit tal-Ħaddiema, li fiha jkopri l-ewwel għaxar snin tal-Partit Laburista.
Bħala kittieb tal-proża, fin-novelli tiegħu, Bonnici indirizza l-ħajja soċjali minn perspettiva distinta, billi niseġ ir-realiżmu soċjali ma’ ħjilijiet psikoloġiċi. Dan l-approċċ poġġieh bejn żewġ oqsma letterarji, li fid-dawl tal-esperjenza tagħna llum, waqqfu milli jingħata r-rikonoxximent mistħoqq għall-approċċ Modernist tiegħu.
Huwa faċli tifhem għaliex il-kritiċi sabuha aktar faċli u konvenjenti jdaħħluh fil-moviment soċjorealista. F’novelli bħal “Toninu” u “Paċikku”, ir-realiżmu huwa għodda importanti biex permezz tiegħu joħloq in-novella. Bonnici jiddeskrivi dinja li fiha ż-żewġ karattri eponimi jgħixu f’dettalji preċiżi. Il-mod kif jiddeskrivi d-drawwiet u t-twemmin li kienu jiddominaw is-soċjetà ta’ dak iż-żmien huma daqstant ieħor deskritti b’mod preċiż. Minn dan il-lat, Bonnici ċarament juri l-preġudizzju mediku tiegħu. Huwa juri d-diżapprovazzjoni lejn ir-rimedji mediċinali li jissawru fid-djar, l-għajdut u s-superstizzjonijiet bi kliem mill-inqas. Jisħaq li l-użu ta’ dawn, minflok iwassal għal interventii mediċi, żgur li se jwassal għal konsegwenzi koroh.
Meta tqabbel dawn iż-żewġ novelli ma’ “Mita tħobb”, tispikka d-differenza. Bonnici jaqbad il-kumplessitajiet tat-thewdin u l-emozzjonijiet tal-karattru, li jirriflettu r-realiżmu psikoloġiku karatteristiku tal-letteratura moderna. Barra minn hekk, in-novella tindirizza temi kontemporanji u bidliet kulturali fis-soċjetà bħall-qasma dejjem tikber bejn il-ħajja rurali u dik urbana. L-użu metikoluż tas-simboliżmu tal-qniepen jikkontribwixxi aktar lejn l-estetika moderna li tistieden lill-qarrejja biex jinterpretaw saffi varji ta’ tifsir.
Fl-aħħar mill-aħħar, wieħed jista’ jgħid li l-esplorazzjoni tar-realiżmu, il-kuxjenza, l-identità u l-kundizzjoni umana, f’Bonnici huma eżempji tal-ispirtu innovattiv u esperimentali li kkaratterizza n-novelli moderni.
Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg