Mallia twieled Ħal Qormi fl-1957. Għandu Baċellerat tal-Arti fil-Letteratura Ingliża u Maġisteru fil-Komunikazzjoni, it-tnejn li huma mill-Università ta’ Malta. Kiseb id-dottorat tiegħu fit-Teknoloġija Pedagoġika mill-Università ta’ Sheffield, ir-Renju Unit. Mallia huwa Professur tal-Komunikazzjoni, kif ukoll Kap tad-Dipartiment tal-Medja u l-Komunikazzjoni fil-Fakultà tal-Medja u x-Xjenzi tat-Tagħrif fl-Università ta’ Malta. Kien lettur mistieden f’diversi universitajiet madwar id-dinja, partikolarment fl-Università ta’ Malmö u dik ta’ Lund, li t-tnejn jinsabu fl-Iżvezja.
Mallia ppubblika diversi kotba ta’ finzjoni u novelli esperimentali għat-tfal u l-adulti, li huwa jsebbaħ bl-illustrazzjonijiet tiegħu stess. Is-serje tiegħu “Pullu”, immirata għat-tfal żgħar ħafna, kienet waħda mill-aktar li nbiegħet fil-ġeneru tagħha. L-avventura fantastika Il-Professur Għasfur fl-Ispazju (2021) tippreżenta narratur, xjentist, inventur, u l-fekruna tiegħu fl-ispazju f’tentattiv biex iwaqqfu l-aljeni milli jfarrku d-dinja. Il-ktieb L-Istejjer tal-Professur Għasfur (2024) għalaq it-triloġija li bdiet fl-2015. Ktieb ix-Xwejjaħ, ippubblikat għall-ewwel darba fl-1987 u li reġa’ ġie ppubblikat fl-2023, huwa ktieb ta’ fantasija li jista’ jinqara fuq żewġ livell: bħala ħrafa għat-tfal, u bħala parabbola b’diversi elementi u diffikultajiet li l-adulti jaffaċċjaw, bħall-qabża minn stadju għal ieħor tal-ħajja. Huwa wkoll meqjus bħala l-ewwel rumanz ta’ fantasija bil-Malti. Pubblikazzjoni riċenti oħra hija Il-Fantastiku (2023) li tinkludi diversi ġrajjiet ta’ realiżmu maġiku, maħluqa għall-adolexxenti.
Mitt Ruħ: Mikrostejjer Dwar Nies li Jistgħu Jkunu Vera (2020) hija ġabra sabiħa ta’ mitt mikrostorja li tesplora l-kumplessità ta’ kull protagonist b’200 kelma biss. Mallia jippreżenta lill-karattri tiegħu kemm permezz ta’ test kif ukoll permezz ta’ tpinġijiet bil-linka. Il-ġrajjiet huma twieqi li jittawlu fuq il-ħajjiet u l-emozzjonijiet tal-protagonisti – li jiżvelaw iċ-ċiklu bla tmiem tal-bidla fin-nies, maqbuda fid-diffikultajiet ta’ ħajja “normali”. Fl-2021, serva bħala l-editur ta’ Il-Ħamsin, antoloġija ta’ erbgħa u għoxrin novella minn kittieba importanti Maltin, u li rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-kategorija tan-novelli.
Il-kitba hija balzmu għal Mallia; tippermettilu jara l-affarijiet b’mod aktar ċar u minn perspettivi differenti. Iħobb il-kliem, il-ħoss u t-tifsir tiegħu, u jfittex li jinsġu f’kemm jista’ jkun sensi. Il-lingwa Maltija tiggwida ħsibijietu u l-espressjoni kreattiva tiegħu permezz tal-espressività u l-melodija tagħha.
Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg