Is-sengħa tiegħu fil-kitba kienet evidenti minn kmieni, u bħala adolexxenti rebaħ il-konkors organizzat mill-Għaqda Kittieba Żgħażagħ permezz tan-novella “L-Istqarrija”. F’edizzjonijiet sussegwenti tal-istess konkors, kiseb it-tieni u r-raba’ post.
Lejn l-aħħar tas-sittinijiet, Sammut, flimkien ma’ kittieba oħra bħalu, fosthom Victor Fenech, Oliver Friggieri, Raymond Mahoney u Mario Azzopardi waqqaf il-Moviment Qawmien Letterarju: moviment influwenti li l-ideoloġija tiegħu kienet li jqajjem mill-ġdid il-letteratura Maltija u jimmodernizzaha. Il-Moviment ried jitbiegħed mill-ħsieb Romantiku tal-ġenerazzjonijiet preċedenti, kemm stilistikament kif ukoll tematikament. Din ix-xewqa kienet ispirata minn aċċess akbargħal letteratura u arti barranija, li esponew lill-awturi lokali għal riformi artistiċi kontemporanji u żviluppi kulturali.
Fl-isfond ta’ din l-attitudni radikali kien hemm l-isforz ta’ Malta għall-kisba tal-indipendenza mir-Renju Unit, li laħaq il-għan tiegħu fil-21 ta’ Settembru 1964. Wara l-kisba tal-ħelsien politiku mill-kolonizzatur, telgħu fil-wiċċ mistoqsijiet dwar in-natura tal-ħelsien personali, intellettwali u spiritwali.
Sammut tqabad ma’ din id-dilemma permezz taż-żewġ rumanzi influwenti tiegħu Il-Gaġġa (1971) u Samuraj (1975). Fl-ewwel rumanz tiegħu, li ġie addattat għal film fl-istess sena li ġie ppubblikat, il-protagonist Fredu Gambin jikkonfronta dak li huwa jqis bħala għeluq fis-soċjetà Maltija. Minkejja l-ħelsien fiżiku tiegħu, huwa maqbud f’angst eżistenzjali fl-ispazju magħluq tal-gżira, li jenfasizza kemm il-libertà ħafna drabi hija mod ta’ ħsieb aktar milli ġeografika. Fredu mhux imwaqqaf milli jgawdi l-ħelsien imma deliberatament jonqos milli jeżerċitah, maqbud kif inhu fiċ-ċella interna tal-monologi tiegħu.
F’Samuraj, insibu attitudni ħafna aktar niħilistika u klawstrofobika lejn il-ħelsien. Samwel, żagħżugħ modest li ħajtu ddur madwar ir-raħal ċkejken li jgħix fih, jesperjenza realtà li titfarrak meta l-ideal iffortifikat tiegħu jitħarbat. Il-pilastri fundamentali rrappreżentati mir-reliġjon, l-istrutturi tas-soċjetà u l-eżistenza kwotidjana jiġġarrfu wieħed wara l-ieħor daqslikieku ħoloq tal-istess katina. Samwel isib ruħu bla ħila li jżomm fil-wiċċ fost it-tiġrif ta’ dawn il-pedamenti li xi darba kienu b’saħħithom. B’mod artistiku, Sammut jimplika preżenza mxajtna li timmina l-hena apparenti tal-passat nostalġiku u stil ta’ ħajja pura li mhix imtebbgħa bil-problemi moderni. Huwa jissuġġerixxi li dak li Samwel jgħaddi minnu huwa essenzjalment kriżi spiritwali. Sammut iqis is-soċjetà bħala sors ta’ kriżijiet interni; ix-xenqa tar-ruħ biex tesprimi ruħha twassal għal kunflitt man-normi u l-valuri tas-soċjetà.
Bla dubju, Sammut huwa wieħed mill-aqwa kittieba ta’ Malta. Permezz tal-kontribut sinifikanti tiegħu lejn ir-rumanz psikoloġiku naqqax ismu darba għal dejjem fix-xena tal-letteratura nazzjonali. Sammut miet ta’ 66 sena fl-4 ta’ Mejju 2011.
Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg