ElenaCardona

1.

Bijografija

Elena Cardona hija kittieba żagħżugħa minn Għajnsielem, Għawdex. Twieldet fit-18 ta’ Mejju 1993 u bħalissa qed taħdem fuq dottorat. Taħdem ukoll bħala xandara fuq ir-radju u hija kritika letterarja għal gazzetta lokali.

Mur fil-biblijografija

Sa issa, il-pubblikazzjoni unika ta’ Cardona hija antoloġija ta’ poeżiji bit-titlu Meta tlaqt lil Adam (Klabb Kotba Maltin, 2022). Cardona tirrikonoxxi l-impatt li diversi poeti lokali rinomati kellhom fuq il-vjaġġ poetiku tagħha, u fost dawn tispikka Maria Grech Ganado minħabba l-esplorazzjoni tagħha tal-femminiżmu u l-mara. Ma’ Grech Ganando, jingħaqdu Adrian Grima, Immanuel Mifsud u Norbert Bugeja.

Jista’ jkun li dawn il-poeti jidwu f’widnet Cardona minħabba li x-xogħlijiet tagħhom jindagaw il-ġustizzja soċjali, id-drittijiet ċivili, il-postkolonjaliżmu u l-kultura Mediterranja. Huma temi għalqalb Cardona u fil-fatt meta fl-2014, dgħajsa mgħobbija bl-immigranti nqalbet qrib il-gżira ta’ Lampedusa, b’mijiet minnhom jegħrqu, Cardona ntmisset b’mod profond, tant li kellha tikteb fuqha. Kien il-mod tagħha kif tippreżerva l-memorja ta’ ħafna rwieħ mitlufa, li t-traġedja tagħhom malajr kienet se tiġġenneb minn aħbarijiet oħra, u fl-aħħar mill-aħħar tintesa. Fil-fatt, Cardona tħoss nuqqas ta’ umanità fis-soċjetà tagħna, li hija kkunsmata minn opportuniżmu u akkwisti materjalistiċi u jiddispjaċiha li l-kriżijiet madwarna nosservawhom b’mod passiv. B’dan f’moħħha tixtieq li tkun persuna li timpenja ruħha u tirrispondi għall-ambjent ta’ madwarha, libera mill-assunzjonijiet dojoq tas-soċjetà.

Ħafna minn dan it-tħassib jinsab f’Meta tlaqt lil Adam. Adam huwa allużjoni ċara tal-figura biblika li waqa’ għat-tentazzjoni u huwa simbolu tal-istrutturi politiċi u soċjali, li minkejja n-nuqqasijiet tagħhom, jimponu aspettattivi u konformità magħhom. Meta tiddikjara li telqet lil Adam, Cardona tiddikjara li hija lesta tmur kontra din il-konformità, u li dan hu dritt tagħha. Tagħmel dan b’mod speċjali vis-à-vis l-ideali li jirrestrinġu l-libertà tagħha biex taċetta verament lilha nnifisha, bid-difetti b’kollox. F’dan il-proċess, tiddefinixxi mill-ġdid lil Eva, li tradizzjonalment hija ppreżentata bħala l-instigatur tal-waqgħa tal-umanità fin-narrattiva biblika. Imma kuntrarju għal Eva mitoloġika, Eva ta’ Cardona tfittex li tillibera ruħha minn dawn ir-restrizzjonijiet preskritti. Tistinka biex tkun hi nnifisha, la ddefinita minn xi raġel jew mara, lanqas servili għalihom. Il-poeżija aħħarija tal-antoloġija, u li tagħti t-titlu lill-antoloġija, tikkonkludi b’dikjarazzjoni ta’ ħelsien mill-ġdid mill-ġudizzju tas-sistemi esterni tal-valuri.


Madankollu, Cardona tirrikonoxxi li persuna ma tistax tinqata’ minn kollox u minn kulħadd għax fl-aħħar mill-aħħar l-ego huwa magħġun mit-totalità tal-esperjenzi kollha tiegħu. Ngħidu aħna f’“Xufftejk”, poeżija dwar nannitha li tmissek, hija tirrikonoxxi l-impatt ta’ din ir-relazzjoni u tqisha bħala waħda li tgħożż. Kollox jiddependi minn kif tiddistingwi bejn relazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-awtoskoperta u t-tkabbir u dawk li huma detrimentali bħal kif tippreżenta f’“Una noche” li fiha maħbub jitlaq bla mistenni: esperjenza li twassal lill-protagonista biex tiddenfixxi lilha nnifisha b’mod differenti sforz dawl ġdid.

Cardona hija kittieba emerġenti, imma tidher li diġà għaddiet minn diversi stadji fil-vjaġġ tagħha lejn maturità letterarja. L-antoloġija unika tagħha tħabbatha b’wiċċha minn quddiem ma’ dawk ta’ kittieba oħrajn aktar stabbiliti

Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg

2.

Biblijografija

Meta Tlaqt lil Adam

Poeżija
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Klabb Kotba Maltin, Malta
Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies