Bħala introvert, il-kitba tal-finzjoni tipprovdi lil Aloisio mekkaniżmu biex jesprimi lilu nnifsu. Permezz tagħha jesprimi temi għal qalbu, bħalma huma l-ambjent, il-politika u l-istorja, l-inġustizzja soċjali, u r-razziżmu. Flimkien ma’ dawn it-temi, Aloisio għandu interess qawwi fl-esperjenzi tat-tfulija u l-adolexxenza, u jesplora l-isfidi u r-rebħiet li tipprovdi l-mixja mit-tfulija għall-adultezza.
Iqis lil Oliver Friggieri u Trevor Żahra bħala l-influwenzi ewlenin tiegħu u jispira ruħu mill-istil ta’ kitba tagħhom, kif ukoll mill-mod kif iħarsu lejn il-ħajja. Huwa influwenzat ukoll minn diversi awturi barranin, fosthom Edgar Allan Poe, Franz Kafka, J.R.R. Tolkien, u Mary Shelley.
Karatteristika li tiddefinixxi wħud mix-xogħlijiet ta’ Aloisio hija d-dimensjoni spiritwali tagħhom, li hija evidenti sew fl-ewwel ktieb tiegħu għat-tfal, Il-Ħamiem ta’ Matty (Klabb Kotba Maltin, 2017). F’din l-istorja nostalġika dwar tifel li jgħix ma’ nannuh, id-dar kbira u l-gallinar vojt jissuġġerixxu vojt spiritwali u minkejja li kemm Matty kif ukoll nannuh huma kuntenti b’ħajjithom, l-assenza tal-ġenituri ta’ Matty u nanntu tinħass sew. Iż-żewġ ħamimiet li Matty jieħu ħsieb, jipprovdu wens u faraġ, u jagħmlu tajjeb għall-esperjenza ta’ telfa.
Temi oħra li Aloisio jindirizza permezz tal-letteratura joħorġu b’mod ċar fi Ġganti (Horizons, 2022), ġrajja li tiffoka fuq il-passaġġ mit-tfulija għall-adultezza, ambjentata fi storja alternattiva. Ġganti jippreżenta lil Żita, tifla adolexxenti li wara esperjenza li ġġibha wiċċ imb wiċċ mal-mewt, issib ruħha fost grupp ta’ nies primittivi qegħdin ifitxxu dar ġdida. F’din it-tfittxija jsibu gżira abitata mill-ġganti, iżda għall-kuntrarju għal kif ħafna drabi jiġu metaforizzati l-ġganti, dawn huma paċifiċi. Madankollu, tinħoloq tensjoni meta dawn jibdew jinteraġixxu ma’ oħrajn li jaslu fil-gżira warajhom.
F’din il-ġrajja, Aloisio juża xenarju spekulattiv li permezz tiegħu jikkummenta fuq kwistjonijiet kontemporanji, ngħidu aħna l-ostilità dejjem tikber bejn in-nattivi u dawk li waslu riċentament, li hija kritika dwar il-perikli tal-kolonizzazzjoni. Bil-mod il-mod, dawn tal-aħħar jibdew jimponu ruħhom fuq l-art, u eventwalment jibdew iqisuha bħala tagħhom, u dan iwassal għal kunflitti inevitabbli mal-istil ta’ ħajja tal-ġganti.
Dawn il-kunflitti jwasslu għal riperkussjonijiet familjari: it-tribalizzazzjoni tal-partiti, id-distruzzjoni malizzjuża tar-riżorsi bi skop ta’ tpattija, id-degradazzjoni ambjentali, u l-politika, tant li jiġu prijoritizzati fuq ir-relazzjonijiet personali. L-isfond fantastiku jsaħħaħ din l-allegorija, u jippermetti lil Aloisio jwassal il-punti tiegħu mingħajr ambigwità. Huwa jitfa’ dawl fuq kif id-dinamiċi soċjali u politiċi li jagħġnu s-soċjetà, u jipprovdi għarfien dwar il-kumplessitajiet tan-natura tagħhom u l-ħtieġa urġenti għal bidla fis-soċjetà.
Minkejja l-isfond fantastiku tagħha, il-ġrajja ta’ Aloisio dwar il-ġganti hija indubbjament Maltija. Kemm l-istorja, kif ukoll l-użu tal-lingwa għandhom għeruqhom fit-tradizzjoni kulturali għanja tal-gżira, li huwa jħaddem b’ħila biex jindirizza kwistjonijiet kontemporanji b’mod frisk u innovattiv.
Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg