CarmelAttard

1.

Bijografija

Carmel Attard twieled Birkirkara nhar it-22 ta’ Ottubru 1943. Attenda l-iskola primarja f’raħal twelidu u kompla l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo, il-Ħamrun. Wara, ħadem fis-servizz pubbliku. Kien membru tas-Soċjetà tad-Duttrina Kristjana (M.U.S.E.U.M). għal diversi snin, soċjetà ta’ duttrina Kristjana, li fiha kien iservi ta’ katekist. Attard ħalla din id-dinja fl-Isptar Monte Karmeli fis-16 ta’ Diċembru 1994, fl-età ta’ 51 sena.

Mur fil-biblijografija

Matul ħajtu, Attard wera passjoni kontinwa lejn il-letteratura, speċjalment il-poeżija. Tul tfulitu u l-adolexxenza tiegħu, qatta’ ħafna ħin ma’ ħbiebu Paul P. Borg u Mario F. Bezzina li aktar ’il quddiem saru kittieba, u magħhom kien jidħol f’diskussjonijiet profondi dwar il-poeżija u l-kitba. Fost il-poeti favoriti tiegħu hemm Dun Karm Psaila, Karmenu Vassallo, u fuqhom kollha Rużar Briffa. Attard kien membru attiv ta’ diversi għaqdiet letterarji Maltin, fosthom l-Għaqda Poeti Maltin, il-Moviment Qawmien Letterarju, u l-Akkademja tal-Malti.

Matul ħajtu, Attard ħabbat wiċċu mal-mard mentali, li wasslu biex diversi drabi jiddaħħal f’faċilitajiet psikjatriċi. Ta’ spiss sab ruħu f’kunflitt man-normi prevalenti ta’ żmienu, jeżamina l-ħajja, is-soċjetà, u t-tifsira ta’ Alla u r-reliġjon. In-natura introspettiva tiegħu żammitu milli jwarrab jew jinjora dawn il-kwistjonijiet, u wasslitu biex jibqa’ jħammem fuqhom b’mod ossessiv. Minkejja dan it-taqlib ġewwieni, Attard kellu xenqa kbira li jintegra u jgħix ħajja normali, jixxennaq għall-istabbiltà u l-aċċettazzjoni li, iżda, eludewh. Kien ikkunsmat minn kilba qawwija għal-libertà: libertà biex iħobb kif jixtieq, libertà mill-ġudizzju, u saħansitra libertà minn ħsibijietu stess.


Dan il-kunflitt ġewwieni huwa evidenti fil-poeżija tiegħu “Jekk tieqaf tgħix”. Attard jistqarr li l-mument li inti toħroġ min-normi tas-soċjetà, kemm inti kif ukoll id-dinja jibdew jinbidlu. Fiha jirrikonoxxi li l-mogħdija lejn l-onestà lejk innifsek hija mimlija sfidi u qsim il-qalb. Għal uħud bħalu, il-ħolqien ta’ persona li tikkonforma mas-soċjetà mhux faċli u ħafna drabi għandha prezz għali. Madankollu, huwa jistaqsi wkoll jekk il-prezz hux vallapena jitħallas jekk ifisser ħarba mit-turment ta’ disprament eżistenzjali.

Is-sens ta’ aljenazzjoni huwa enfasizzat aktar f’“Xita Novembrina”. Fiha Attard isib ruħu fil-kampanja, idur mal-bliet u l-irħula li jidhru qegħdin isejħulu. Madankollu, ma jistax jingħaqad mal-komunità. Il-ħsus silenzjużi ta’ disprament, konfużjoni, frustrazzjoni, u rassenjazzjoni jaħkmu l-poeżija waqt li Attard qatt ma jikxef espliċitament x’inhu jżommu lura mill-bliet u l-irħula. Minkejja dan, jaf li la jista’ jidħol u daqstant ieħor huwa miżmum milli jidħol. Novembru, xahar marbut mal-mewt, jista’ jissimbolizza l-perċezzjoni ta’ Attard tiegħu nnifsu bħala ruħ mitlufa, eternament iħuf madwar il-periferija tal-ħajja, mhux kapaċi jsib il-kenn mix-xita. Huwa l-emarġinat etern, waqt li jistinka biex jappartjeni lejn soċjetà li darba wara l-oħra tirrifjutah.


Minkejja li ħalla impatt biż-żewġ pubblikazzjonijiet tiegħu, Attard huwa pjuttost imwarrab u għadu mhux magħruf, li hi ħasra, minħabba li xogħlu għandu qawwa li jħabbatha ma’ dak tal-kontemporanji tiegħu u żgur jixraqlu rikonoxximent sħiħ.

Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg

2.

Biblijografija

Lampara

Poeżija
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Gulf Publishers, Malta
Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies