Id-diversità hija tema dominanti fix-xogħlijiet ta’ Borg. Il-mod ta’ kif gruppi differenti fis-soċjetà jħarsu lejhom in-nies, u l-aġir imnissel minn dawn il-perċezzjonijiet, huma suġġetti li Borg tesplora b’mod regolari. Amina (Merlin Publishers, 2018) hija storja ta’ tifla sewda li tgħix f’istitut immexxi mis-sorijiet. Il-ħila li tilgħab bin-numri twassalha biex tieħu sehem fl-ewwel kamp tal-Matematika f’Malta. Iżda, minbarra li kellha titqabad mal-aġenda moħbija u ħażina tan-nies li kienu qed imexxu l-kamp, Amina tgħaddi minn sensiela ta’ sitwazzjonijiet abbużivi minn tfal tamparha. Kienet ittrattata bħala xi ħadd inferjuri, ittantata, mgħoddija biż-żmien, u mgħobbija b’faċendi żejda; dan kollu minħabba l-fatt li mhix Maltija u li kellha kulur tal-ġilda differenti.
Id-diversità fis-sens tal-barrani, l-ieħor, insibuha fin-novella “It’s nice, the tattoo”, minn Innuendo (Merlin Publishers, 2019), ġabra ta’ stejjer qosra li Borg kitbet flimkien mad-drammaturgu Anthony Portelli. Turu, raħħal umli li jrabbi l-ħnieżer, jibda joħroġ ma’ Lara, ners mil-Latvja li s-sbuħija tagħha tikkuntrasta u tistona man-natural aħrax tiegħu. Madankollu, hi tintrebaħ mill-aġir sempliċi imma onest ta’ Turu, u t-tnejn flimkien jibdew relazzjoni serja. Turu u Lara jaċċettaw lil xulxin kif inhuma, ħielsa mid-differenzi kulturali jew ta’ klassi. Dan jgħinhom meta l-passat ta’ Lara jgħolli rasu lejn l-aħħar parti tal-istorja. Il-lealtà ta’ Turu tibqa’ b’saħħitha.
L-oppost jiġri f’“Oqgħod bil-għaqal, e’”, storja dwar koppja bi problemi ta’ fertilità. Sa ċertu punt, hija ġrajja morali, fejn il-fatt li l-koppja ma jistax ikollhom tfal u r-riżentiment li dal-fatt iġib miegħu, joħloq straġi fir-relazzjoni tagħhom. Id-distanza emozzjonali bejn Victoria u Peter twassalhom għall-punt fejn il-mara tfittex sodisfazzjon (sesswali) xi mkien ieħor. Dan jinħass aktar effettiv meta Victoria tagħżel li tagħmel dan waqt il-Karnival ta’ Venezja, waqt li liebsa maskla u timmaġina lilha nnifisha, litteralment, bħala l-mara “l-oħra”.
F’Fittixni, it-tema tad-diversità tieħu laqta politika. Jack jossessjona ruħu fuq il-misteru ta’ tifla żgħira li kienet instabet fil-baħar ġo kaxxa tal-injam mill-bużnannu tiegħu. F’din it-tiftixa, Jack hu megħjun mill-ħares t’omm it-tifla, mara li nqatgħet minn familtha minħabba ideali politiċi differenti. Meta twieldet bintha Julia, tipprova tirranġa r-relazzjoni mal-familja tagħha; imma did-darba hu Leon, ir-raġel li ħarbet miegħu, li jrid iwaqqafha milli tagħmel dan. B’kuntrast naraw li l-preżenza ta’ Julia tgħaqqad il-familja addottiva Maltija tagħha, u anke jekk għal żmien qasir, jilqgħuha daqslikieku kienet binthom.
Fix-xogħlijiet ta’ Borg naraw li d-diversità hija opportunità biex tisfida l-preġudizzji u tħares lejn “l-ieħor” minn lenti li mhix superfiċjali. Jekk dan ifalli, allura tinħoloq l-intolleranza, l-animożità u l-aljenazzjoni, b’konsegwenzi li jaffetwaw lilna kollha.
Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Keith Borg