AlfredSant

1.

Bijografija

Alfred Sant huwa kittieb kontemporanju Malti, magħruf ukoll bħala politiku fi ħdan il-Partit Laburista. Fit-tmeninijiet serva bħala l-president tal-partit waqt li bejn l-1996 u l-1998 serva bħala l-prim ministru tal-pajjiż.

Mur fil-biblijografija

Kiteb diversi rumanzi, novelli u drammi. Sant serva wkoll bħala editur ta’ gazzetti bħal Il-Ħelsien u It-Torċa, kif ukoll ta’ rivisti bħal Tomorrow u Society.


Sant twieled Tas-Sliema fl-1948. Iggradwa b’Baċellerat fix-Xjenzi fil-Fiżika u l-Matematika mill-Università ta’ Malta segwit minn Maġisteru fix-Xjenzi fil-Fiżika mill-istess università. Wara studja l-amministrazzjoni pubblika fl-Institut International d’Administration Publique ta’ Pariġi. Aktar tard kiseb Maġisteru fil-ġestjoni tal-intrapriża mill-Università ta’ Boston, u ngħata borża ta’ studju minn Harvard, fejn iggrawda b’dottorat fl-amministrazzjoni tal-intrapriża.


Sant ħadem bħala segretarju għall-Missjoni Maltija għall-Komunitajiet Ewropej fi Brussell. Lura Malta, serva bħala konsulent fil-ġestjoni ġenerali u finanzjarja għall-Ministeru tal-Investiment Parastatali u tal-Poplu, u mbagħad bħala Direttur Maniġerjali tal-Medina Consultant Group. Sant mar lura lejn is-settur pubbliku bħala Aġent President Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għal Żvilupp ta’ Malta. Wara, reġa’ lura lejn is-settur privat bħala konsulent.


Sant ippubblika diversi studji politiċi, fosthom rapport fuq ir-relazzjonijiet ta’ Malta mal-Komunità Ewropea bejn l-1988 u l-1989; kif ukoll studju bit-titlu Malta’s European Challenge (1995) li jiffoka fuq dik li fil-fehma tiegħu kienet l-aqwa sħubija possibbli li Malta tista’ tiżviluppa mal-Unjoni Ewropea, imsejsa fuq il-pożizzjoni strateġika ta’ gżira fil-Mediterran.


Sant iħoss li xogħlijietu huma kollha personali u importanti għal raġunijiet differenti. Il-kitba tiegħu ddur madwar il-mentalità tal-identità Maltija, kif ukoll, fost temi oħra, l-idea ta’ modernizzar u l-memorja. L-ewwel xogħol tiegħu, L-Ewwel Weraq tal-Bajtar (1968), huwa awtobijografiku b’anticlimax, li fih jiddeskrivi żagħżugħ li jħossu fgat bil-mentalità tradizzjonali u li jħossu inċert x’ħa jagħmel bih innifsu. Confessions of a European Maltese (2003) u Confessions of a European Maltese – the Middle Years (2021) huma awtobijografiji, li jirrakkuntaw il-ġrajjiet, il-kunflitt u l-perjodi ta’ tranżizzjoni għal Malta u l-bqija tad-dinja permezz tal-esperjenzi tiegħu stess.


Fir-rumanzi u n-novelli tiegħu, Sant idur madwar l-ideat ta’ modernizzazzjoni u globalizzazzjoni, speċjalment permezz ta’ Bejgħ u Xiri (1981) u La Bidu, La Tmiem – 1599 (2001). Fir-rumanz L-Għalqa tal-Iskarjota (2009), il-maġija antika u t-teknoloġija mill-aktar avvanzata jiżżewġu f’avventura fantastika. Fir-rumanz Bħal f’Dizzjunarju, Sant jesplora l-memorja u kif niftakru frammenti tar-realtà, mhux neċessarjament fl-ordni kif ġraw imma minn hemm u minn hawn. Xogħol ieħor li jittratta l-frammentazzjoni huwa l-ġabra ta’ novelli Ċpar (2013). F’dawn in-novelli, jitħallew barra biċċiet kbar mill-istorja – nuqqas li wasslu għat-titlu tal-ġabra tagħhom, u li jippermetti lill-qarrejja biex jivviżwalizzaw dan iċ-ċpar u l-inċertezza li tinbena madwar dak li hemm lil hinn. Ġabra ta’ stejjer qosra oħra fuq l-istess linji hija Western (2016).


Aktar riċenti, f’Ir-Rumanz tal-Fieres Safran, Sant għaqqad flimkien elementi Arturjani. Sant jibqa’ jesperimenta bil-memorja, l-att tal-ġbir tal-memorja, u kif elementi tal-qadim u l-ġdid jingħaqdu f’dinjitna. L-esperjenzi u r-relazzjonijiet infushom kif ukoll il-bidliet li dawn jgħaddu minnhom huma ċentrali fix-xogħol ta’ Sant. Din is-sena se jkollna tistenniena ġabra oħra ta’ novelli, ambjentati f’Malta kif ukoll fl-ispazju!

Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u tradotta minn Jean Paul Borg.

2.

Biblijografija

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies