Minn età bikrija, Farrugia kien affaxxinat bl-istejjer, u ħafna drabi kien jikteb hu wkoll. Maż-żmien, din il-passjoni evolviet lejn kważi kompulsjoni, minħabba li nuqqas li jikteb l-aneddoti ta’ ħajtu kien iwassal għal stress mentali u fiżiku.
Bħala qarrej, Farrugia jsibha impossibbli jieħu pjaċir b’kitba ta’ kafkaf. Il-qari tiegħu spiss jinbidel f’sessjonijiet ta’ studju li fihom janalizza b’mod metikoluż sentenzi u ideat, u jieħu noti dwarhom għal referenzi fil-futur, u saħansitra jikteb mill-ġdid sentenzi li jqis bħala imperfetti fil-periferiji tal-ktieb.
Farrugia jattribwixxi kittieba bħal Italo Calvino, Edgar Allan Poe, u Stanisław Ignacy Witkiewicz bħala l-influwenzi ewlenin f’kitbietu, u għalhekk jixrob mill-istili u l-ideat tagħhom. Madankollu, l-akbar ispirazzjoni tiegħu ġejja mill-kompożitur Gustav Mahler, li darba stqarr li sinfonija għandu jkollha l-esperjenza dinjija u umana kollha kemm hi. Bħalu, Farrugia jfittex li jesplora l-kundizzjoni umana fil-manifestazzjonijiet diversi tagħha. Il-faxxinu tiegħu jestendi ruħu lejn l-istorja, li jqis bħala l-qafas narrattiv li minnu l-esperjenza umana hija ispirata b’tifsira u skop. Din hija wkoll waħda mir-raġunijiet għaliex ir-riċerka għandha rwol daqstant fundamentali fil-proċess ta’ kitba ta’ Farrugia.
Fil-ġabra ta’ stejjer qosra rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, Għall-Glorja tal-Patrija! Kapriċċi Patrijottiċi (SKS, 2019), li ġiet tradotta għall-Ingliż taħt it-titlu Capricious Tales from Malta: a history in its making (SKS, 2023), Farrugia juża l-isfond fl-istorja tiegħu biex jorqom stejjer satiriċi b’karattri Maltin f’perjodi kruċjali tal-istorja Maltija. Ngħidu aħna, fi “Żmien il-Ħaġar / Totò jsib lil Malta” jispekula dwar l-oriġini tar-rivalità persistenti bejn organizzazzjonijiet reliġjużi, u jittraċċa fdalijiet tagħha f’tilwim dwar min se jibni l-aqwa tempju fir-raħal fl-era Neolitika. F’“It-Tieni Gwerra Punika / Ittra lil Ħasdrubal” Farrugia jikxef it-tendenzi opportunistiċi li jeżistu fost uħud min-negozjanti, u jimplika li din il-mentalità tant ilha ġej għal żmien twil li issa ormaj saret naturali.
Fl-aħħar rumanz tiegħu, Ir-Re Borg (SKS, 2022), Farrugia jindirizza t-tribaliżmu mifrux li jaħkem lill-gżira. In-narrattiva tippreżenta lil Mikiel bħala l-protagonist tagħha: raġel b’ħanut li jidħol f’bawxata minħabba evażjoni ta’ taxxa, esperjenza iebsa li taffettwah minn ġewwa. Fost id-diżillużjoni u d-disprament li jħoss fl-ordni politika eżistenti, Mikiel jgħaddi minn epifanija u jiddeċiedi li jwaqqaf partit politiku monarkiku. Waqt li jkun għaddej minn dan il-vjaġġ, bħala qarrejja naraw li l-għeruq tal-iskuntentizza fil-politika kontemporanja jinsabu fid-distanza bejn il-partiti politiċi u l-problemi ta’ kuljum tal-individwi ordinarji.
Ma’ kull xogħol ġdid tiegħu, Farrugia jirnexxilu jirriġenera lilu nnifsu. Madankollu, hemm ħajta komuni fit-tessut tal-kitba kollha tiegħu: esplorazzjoni tal-aspetti kumplessi tal-psike Maltija.
Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg