AchilleMizzi

1.

Bijografija

Achille Mizzi huwa poeta u kittieb eċċellenti u deher l-ewwel darba fix-xena letterarja bħala wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju. Mizzi jagħti ħafna importanza lill-kreattività intellettwali u l-immaġinazzjoni bħala l-metodi ta’ kif il-kitba tibqa’ interessanti, stimulanti u relevanti. L-isfida li joffri lill-qarrej hi evidenti fil-mod ta’ kif iħaddem il-lingwa Maltija biex iwassal il-messaġġ tiegħu.

Mur fil-biblijografija

Mizzi twieled Ħaż-Żabbar fl-1939. Beda l-karriera tiegħu bħala għalliem iżda mexa f’qasam ieħor bħala uffiċjal tad-Dwana. Madankollu xorta baqa’ involut f’attivitajiet kulturali organizzati mill-Ministeru tal-Edukazzjoni. Aktar tard, huwa laħaq Assistent Kap fi ħdan l-istess Ministeru u għal sitt snin kien il-President tal-Akkademja tal-Malti. Mizzi kien onorat darbtejn għall-kontribut tiegħu fil-letteratura: fl-1995 ingħata l-ġieħ Commendatore – Ordine al Merito della Repubblica Italiana; u fl-2011 ingħata s-Sħubija tal-Ordni tal-Mertu mill-Istat Malti. Ippubblika tmien ġabriet ta’ poeżija, u rebaħ il-Premju Nazzjonali għall-poeżija tliet darbiet, bil-ġabriet Poeżiji(1993), Vetrati Milwiena (1998)u Eklissi Perpetwi (2007).

It-temi fix-xogħlijiet ta’ Mizzi jirriflettu l-interessi varji tiegħu, fosthom il-filosofija, l-arti, il-mużika u l-istorja. Dawn is-suġġetti jinfdu xogħlijietu b’simboliżmi u allużjonijiet li jagħtu dewqa lill-qarrej tas-subkonxju tiegħu. Fil-fatt, ħafna drabi nsibu dan id-djalogu kwiet, taħlita tal-ispirazzjonijiet subliminali tal-poeta flimkien ma’ dawk tal-qarrej, fejn dan tal-aħħar jerħilha fuq vjaġġ spiritwali fil-mhux-magħruf. Il-poeżija ta’ Mizzi tirrifletti l-eżistenzjaliżmu u tistieden lill-qarrejja biex jistaqsu fuq il-ħajja, il-mewt u dak kollu li nsibu bejniethom. Iċ-ċiklu ħajja-mewt-ħajja jispikka mhux biss fil-versi imma fl-iżviluppi tan-natura u l-ġewwieni tal-bniedem. F’dan il-kuntest, il-qarrej japprezza kif kull bidu qed jimplika tmiem, u kif kull tmiem iwassal għal bidu ġdid.

Il-kwalità tal-lingwa hija importanti ħafna; il-poeżija tistħarreġ mistoqsijiet ta’ natura eżistenzjali: is-sens tal-jien, jekk hemmx xi qawwa divina, it-tfittxija għal Alla, u t-tfittxija għall-fidi. Iż-żmien u l-ispazju huma evidenti fil-poeżiji ta’ Mizzi; il-passat, il-preżent u l-futur f’esperjenza ta’ kontinwità – jingħaqdu f’ħaġa waħda u fl-istess ħin jinfirxu ʼl barra.

It-temi huma rikorrenti u jħallu impressjoni fuq il-qarrej waqt li jinsġu ħjut komuni tul il-poeżiji kollha. Il-poeżiji li huma għal qalb il-poeta huma dawk li l-ġabriet huma msemmija warajhom. Dawn jinkludu “Il-Kantiku tad-Demm” (1980), “Taqtir is-Skiet” (1987), “Eklissi Perpetwi” u “Ġenesi” (2017). F’dawn ix-xogħlijiet Mizzi jilgħab bil-lingwa u l-metafora u jħalli ʼl qarrej jaħseb u jfittex qalb dawn il-kumplessitajiet fil-ħsieb biex isib xi forma ta’ soluzzjoni. Il-misteru u l-ambigwità huma parti mill-vjaġġ biex niskopru min aħna. F’“Ġenesi” nsibu l-implikazzjoni li kemm il-bidu - li jqanqal passaġġi mit-Testment il-Qadim fuq il-ħolqien tal-bniedem (u għalhekk ir-rabta tagħna mad-divin) - u kemm il-bidla huma żewġ kunċetti kostanti fin-natura. Il-laqgħa tagħna mad-divin u s-sublimi huma inkontri frekwenti fix-xogħlijiet ta’ Mizzi. Il-qarrejja jiksbu din it-triq lejn komunjoni mal-poeta, ma’ qawwa akbar minnhom, u r-riflessjoni tintgħaraf bħala l-mogħdija li twassal għall-bilanċ u li wieħed iħossu komplut. It-tama tibqa’ dejjem preżenti. It-tama għall-bidla, u kif din il-bidla toħloq il-possibiltà għat-tama; għaliex aħna dejjem ninsabu fi stat li nilħqu l-potenzjal tagħna.

Aktar minn xejn, xogħol Mizzi huwa ċelebrazzjoni tal-poeżija fejn din issir l-espressjoni tas-sbuħija tal-ħajja, b’dak kollu li għandha x’toffri, u b’għarfien li kollox hu marbut flimkien. Mizzi jippreżenta lilu nnifsu bħala l-fittiex tal-Verità, tal-għeruq u l-oriġini. Parti mill-esperjenza estetika tal-poeta hi li wieħed jisma’ l-poeżija tal-ħajja fis-silenzju u fis-solitudni. B’hekk niftakru li aħna qegħdin fi vjaġġ.

Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Keith Borg

2.

Biblijografija

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies