Zammit twieldet Ħ’Attard fl-1976. Għandha Maġisteri fl-Ingliż u l-Kitba Kreattiva, u dottorat fil-Kitba Kreattiva wkoll. Zammit hija Lettriċi Anzjana l-Junior College. Hija l-ewwel lettriċi li tat korsijiet dwar il-kitba kreattiva fi ħdan id-Dipartiment tal-Ingliż fl-Università ta’ Malta. Damet tagħti dawn il-laboratorji tal-kitba għaxar snin sħaħ. Ix-xogħol ta’ Zammit deher f’diversi ġurnali u antoloġiji internazzjonali fosthom Matter, Modern Poetry in Translation, Mslexia, Poetry International, The SHOp, Iota, O: JA&L, The Montreal Poetry Prize Anthology 2022, Smokestack Lightning, The Shop – An Anthology of Poetry, u Grand Tour – Reise durch die junge Lyrik Europas.
L-impenn politiku ta’ Zammit huwa evidenti fil-ġabra poetika Voices from the Land of Trees (2007), li t-tema ewlenija tagħha hija l-gwerra ċivili fil-Gwatemala li damet għaddejja sitta u tletin sena. F’din il-ġabra – polifonija Bakhtinjana ta’ vuċijiet – tħalli joħorġu veritajiet b’diversi wċuħ. Fil-ġabra Portrait of a Woman with Sea Urchin (2015), dawn it-tekniki jiġu żviluppati aktar. Għal din il-ġabra, Zammit intervistat Maltin li għexu t-Tieni Gwerra Dinjija imma rnexxielhom jiskansaw il-mewt, u li bin-narrattivi suġġettivi tagħhom jispiraw waħda mill-itwal sekwenzi tal-ġabra. Fis-sezzjoni dwar l-alla femminili tal-fertilità – “You May Touch If You Like” – l-alla Maltija Venere għandha persona drammatika li titkellem b’ton ċar u kunfidenti, u timmina kunċetti patrijarkali u dikotomiji Cartesjani biex tippermetti l-permeabbiltà u d-differenti.
L-aħħar xogħol ta’ Zammit, Leaves Borrowed from Human Flesh (2025), huwa aktar esperimentali fil-forma u l-istil tiegħu. Fih, il-liriku, il-politiku, u l-ispiritwali huma minsuġa b’mod sottili mingħajr ma jistgħu jinfirdu. It-tfittxija ta’ Zammit għal tifsira u l-emanċipazzjoni hija kostanti u fl-aħħar mill-aħħar riġenerattiva, imma qatt ma tasal għal tweġibiet mingħajr ambigwità. Jekk hemm xi epifaniji, dawn iridu joħorġu minn rievalwazzjoni perpetwa tal-ġeneru, il-lingwa, u l-forma.
Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg