Raħal il-Letteratura hija inizjattiva pilota tal-Fondazzjoni HELA (Hub for Excellence in the Literary Arts), li se tiċċelebra l-letteratura u tippromwoviha b’diversi modi fir-Rabat. Din l-inizjattiva hija mqassma fuq tliet snin, u għadha kemm ingħatat il-Premju tal-President għall-Kreattività mill-Uffiċċju tal-President u l-Kunsill Malti għall-Arti.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-proġett jimmira li jiġbor u jaqsam l-istejjer u l-esperjenzi tar-Rabtin, filwaqt li titqajjem kuxjenza u għarfien dwar il-kotba bħala oġġett fiżiku kif ukoll bħala esperjenza. Fl-istess waqt, tkun qiegħda tingħata importanza speċjali lill-wirt letterarju.
Ingħażel ir-Rabat għax huwa d-dar ta' HELA, imma wkoll raħal dinamiku li jgħaqqad flimkien ir-rurali u l-istoriku, it-tradizzjonali u l-modern. B’hekk jinħoloq ċentru ieħor li jitbiegħed mill-imkejjen li ta’ spiss isiru attivitajiet fihom u b’dal-mod, anke n-negozji Rabtin jieħdu imbuttatura. L-attivitajiet huma mmirati għal etajiet differenti, minn tfal sa kbar sa anzjani. B’hekk igawdu minn din l-inizjattiva faxex differenti fis-soċjetà. Il-ħsieb hu li ninvolvu lir-Rabtin kemm jista’ jkun u saħansitra nidħlu fid-djar tagħhom sabiex tinħoloq kollaborazzjoni ħajja.
Din l-inizjattiva hija att kreattiv u kulturali iżda tmiss ukoll mal-lat ekonomiku. Raħal il-Letteratura se jkun possibbli bis-saħħa ta’ Studio Solipsis, Inizjamed, Malta Libraries, Merlin Publishers, L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, Heritage Malta, L-Arkivji Nazzjonali ta' Malta u l-Kunsill Lokali tar-Rabat.