MERĦBA
1. IS-SWAR TAL-IMDINA
X’inhuma s-swar tal-Imdina? Huma serje ta’ fortifikazzjonijiet madwar il-belt tal-Imdina, li nbnew biex jipproteġuha mill-għadu. Hemm tliet tipi ta’ fortifikazzjonijiet: il-ħitan Puniċi-Rumani, il-ħitan Medjevali u l-ħitan Ospitaljeri. Tal-ewwel ġew mibnija fi żmien il-Preistorja u sal-Era tal-Bronż kienu diġà qed jintużaw bħala post difensiv u ta’ refuġju. Oriġinarjament, l-Imdina kienet tliet darbiet ikbar minn kif inhi llum, iżda sfortunatment ma fadlilniex wisq fdalijiet tal-era Punika-Rumana. Il-partijiet Medjevali kienu ġew fis-seħħ biex inaqqsu l-ispazji kbar ħalli tkun tista’ tiġi iktar protetta faċilment. Għall-kuntrarju tal-Puniku-Ruman, hemm xi fdalijiet tal-era Medjevali bħaż-żewġ toqob tal-pistoli (gun holes) bejn il-bieb prinċipali u t-Torro de Standardo. L-iktar ħitan riċenti tal-Imdina jiġifieri dawk tal-era Ospitaljera, inbnew fiż-żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann. F’dan iż-żmien l-Imdina kienet tilfet it-titlu ta’ belt kapitali, u minflok ingħata, informalment, lill-Birgu. Meta Malta kisbet l-indipendenza, l-Imdina kienet tappartjeni għas-sistema difensiva flimkien mal-Victoria Lines. Is-silta li ġejja tieħu post taħt is-Swar tal-imdina, fil-ġnien li ġie rrestawrat dan l-aħħar. Hija meħuda mill-ktieb Taħt is-Swar tal-Imdina ta’ Lina Brockdorff.
Kienet lejla sabiħa tar-rebbiegħa, u ż-żewġ tfajliet ħarġu mid-dar kbira fejn kienu joqgħodu sewwa sew quddiem il-ġnien. Bla ma staqsew lil xulxin fejn sejrin qabdu triqithom lejn Ġnien Howard, ir-Rabat. Fuq kollox kienu joqgħodu fil-qrib, fi Triq il-Mużew. U, ngħiduha kif inhi, f’nofs siegħa ma tantx tista’ tmur ’il bogħod wisq mid-dar. Hemm kienet l-għaxqa tagħhom. Kull lejla hemm, bla ma jiddejqu xejn. Erħilhom jieqfu max-xifer taċ-ċint u dritt idawru ħarsithom ’l isfel, fil-foss, lejn klikka mdaqqas ta’ ġuvnotti mfarfra ġmielhom li kuljum kienu jedhew jilagħbu l-ballun, hemm taħt is-swar tal-Imdina. Għajjat u storbju bejniethom li ma ngħidlekx, basta jiżvugaw dik l-enerġija li matul is-sigħat tal-iskola kellha tibqa’ ppressata f’ġisimhom. Fil-ġnien, sewwasew wara t-tfajliet, kien hemm gabbana minn fejn stajt tixtri xi xarba jew pastizz, pasta inkella xi ħelu. Imma dawn iċ-ċejċiet xejn ma kienu jħajruhom lil Sylvia u ’l Monica. Hekk jew b’hekk mill-ikel ma kinux neqsin. L-attenzjoni tagħhom kienet tibda u tispiċċa hemm isfel, fil-foss fejn kienu dawk is-subien. Mill-gabbana bdiet ħierġa tgħajjat kemm tiflaħ il-kanzunetta tal-Beatles “Hey Jude”:
Hey, Jude, don’t make it bad. Take a sad song and make it better. Remember to let her into your heart, then you can start to make it better…nah, nah, nah…
It-tfajliet bdew itektku bit-tkaken mar-ritmu tal-kanzunetta waqt li saħansitra jkantawha wkoll taħt l-ilsien.
Silta minn Taħt is-swar tal-Imdina ta’ Lina Brockdorff.
Pubblikaturi: Horizons.
2. IL-KNISJA TA' SAN PAWL
Il-Bażilika ta’ San Pawl fir-Rabat hi kkunsidrata bħala waħda mill-parroċċi li nsibu f’dan ir-raħal. Il-knisja hi mibnija fuq parti mis-sit tal-belt Rumana Melite, li tinkludi l-Imdina kollha u l-maġġorparti tar-Rabat kif nafuh illum. Il-knisja preżenti ġiet mibnija biex tieħu post knisja li kienet lesta fl-1578. Ġiet mibnija permezz ta’ fondi pprovduti mill-mara nobbli Guzmana Navarra fuq pjanti ta’ Francesco Buonamici. Il-bini tal-knisja li beda minn Lorenzo Gafà fl-1653 tlesta fl-1683. Magħquda mal-knisja ta’ San Pawl hemm knisja iżgħar iddedikata lil San Publiju li reġgħet ġiet mibnija fl-1692 kif ukoll fl-1736 minn Salvu Borg. Il-knisja ġiet mogħtija l-isem ta’ Bażilika Minuri fl-2020. Ix-xena ta’ din il-knisja illustri tħalli lil kulħadd miblugħ anke jekk ma jkunx jaf l-istorja tagħha. Madanakollu, l-għarfien tal-istorja iżidilha l-prezz grandjuż tagħha. Dan il-post partikolari ntgħażel għax Sister Antida, missjunarja fl-Art Imqaddsa, trabbiet hawn. Huwa rakkont li qalitu lil Clare Azzopardi, Nathalie Grima u Gilbert Calleja meta kienu l-Art Imqaddsa jintervistaw il-Maltin li jgħixu hemm.
Qabel ma morna l-isptar fejn taħdem Sister Antida, kellna ċ-ċans induru ftit it-toroq ta’ Haifa u nitilgħu Monte Carmeli biex inżuru l-knisja ta’ Stella Maris u l-ġnien kbir ta’ Bahá’í li qiegħed biss ftit ’il bogħod. Xi daqqiet waqafna nieħdu te bin-nagħniegħ u xi daqqiet waqafna nnaqqru xi ħaġa sakemm sarilna l-ħin biex immorru l-isptar fejn taħdem is-Sister.
Rabtija jien, tgħidilna, u qabel dħalt soru kont naħdem mal-Vexillina; l-istampaturi u stationers. Kienet tmur skola l-Ħamrun għand is-Sorijiet tal-Franġiskani tal-Eġittu u minn hemm bdiet ġejja l-ħajra biex tidħol soru. Telqet minn Malta ta’ 18-il sena biex tagħmel in-novizzjat l-Italja. Wara n-novizzjat, fl-1978, marret il-Brażil u hemmhekk damet għaxar snin. Tgħallmet il-lingwa u għamlet kors ta’ tliet snin għal nurse mbagħad marret tispeċjalizza Ruma. Fl-1988 bagħtuha l-Art Imqaddsa.
Illum Sister Antida hija l-head nurse fis-sala tal-operazzjonijiet. L-isptar jilqa’ lil kulħadd u fejn jidħlu l-pazjenti ma tidħolx il-politika. Il-pazjent l-ewwel u qabel kollox, tgħidilna. Titkellem xi ftit fuq il-kunflitti u ssemmi li dak li ħassew l-iktar kien tal-2006 meta bdew jitfgħu l-bombi mil-Libanu li qiegħed eżatt faċċata. Aħna ma trabbejniex fil-gwerra u allura ma nafux x’inhi gwerra mhux bħal ommijietna u missirijietna. Imma l-ħajja tkompli għaddejja u minkejja li kienu jieqfu meta jisimgħu s-sirena, kienu xorta waħda jħossuhom protetti li jinsabu f’bini daqshekk kbir b’ħitan dobbli. Kuntenta Sister Antida. Din hija d-dar tagħna, l-isptar tagħna, dejjem sejrin ... filgħaxija nkun mejta għax taħdem, mis-sebgħa sas-sebgħa u ġieli anki iktar, kemm hemm bżonn. Tidħol waqt l-operazzjonijiet, tgħin f’dak li jkun hemm bżonn, xi kultant anki toqgħod mal-morda wara l-operazzjoni. Irid ikollok il-kuraġġ, imma hi drat. Din li tkun nurse kienet xewqa li kellha minn mindu kienet żgħira. U ma tantx tistrieħ Sister Antida, għax jien magħmula hekk, tgħidilna, jekk naf li jkun hemm ix-xogħol ma mmurx nistrieħ. Imma s-Sibt u l-Ħadd ma jagħmlux operazzjonijiet u allura tieħu l-opportunità biex tmur tgħin fis-Santwarju tal-beatitudni. Tgħin fil-ħanut li jbigħ is-souvenirs. U hekk tiltaqa’ mal-pellegrini u taqta’ ftit mir-rutina tal-isptar.
Ma tantx tivvjaġġa Sister Antida, għax ix-xogħol joħdilha ħinha kollu, imma meta l-Ambaxxatur ilaqqa’ l-Maltin xi mkien viċin, bħal meta jiltaqgħu l-beatitudni tieħu gost tmur u titkellem magħhom. Mill-bqija postha huwa fl-isptar mal-pazjenti. Għad għandha xi ritratti tagħha u tal-familja meta kienet iżgħar, imma xi kultant taqbad u tarmi għax kemm se ddum iżżomm affarijiet? Minn Malta mhux li ġġib xi affarijiet lanqas. Iżżur lil ħutha u n-neputijiet u toqgħod għand oħtha fid-dar li trabbiet fiha mhux bogħod mill-knisja ta’ San Pawl. Imma jien għażiltha din il-ħajja, il-ħajja ta’ missjunarja, u dan ifisser li tkun qrib il-familja tagħha fit-talb u mhux fiżikament. U għalhekk tipprova terħi l-affarijiet li jorbtuha ma’ familtha biex tħossha iktar iffukata fuq il-missjoni tagħha. Madankollu Sister Antida titkellem bil-qalb fuq ir-Rabat. Il-Brażil ħabbejtha ħafna bħala missjoni. Hawnhekk ukoll. Dejjem fi sptar kont.
Fl-isptar dħalt u fl-isptar bqajt. Imma hi għadha marbuta ma’ Malta, le, proprja proprja mar-Rabat. Jien Rabti, jgħidilha Gilbert, ħa ngħidlek ta’ min jien, jgħidilha, u ħa ngħidlek liema hi d-dar tiegħi, tgħidlu s-Sister ... u dak il-ħin intilfu f’diskors li jiena u Nathalie ma fhimniex, issemmew laqmijiet u familji li aħna ma nafux, toroq li għalina ma jfissru xejn, postijiet għeżież għalihom u li għalina huma biss marka fuq mappa ... imma għal Sister Antida dan kien il-mument tagħha, tagħha u tal-memorji tagħha, il-memorji ta’ tfulitha, kollha marbuta mar-Rabat, fejn twieldet, fejn trabbiet, fejn ħadmet, fejn għad hemm oħtha tgħix fid-dar t’ommha u ta’ missierha ... Rabtija ta’ vera jien ...
Rabtija kont u Rabtija għadni.
Silta minn L-Art tal-Kliem ta’ Clare Azzopardi, Nathalie Grima u Gilbert Calleja.
Pubblikaturi: Merlin Publishers.
3. HERITAGE MALTA
Il-post li tinsab fih bħalissa jissejjaħ il-Katakombi ta’ San Pawl. Dawn il-katakombi huma simbolu tal-Kristjaneżmu bikri f’Malta minħabba li jixhdu l-miġja ta’ meta San Pawl ġie Malta. Hemm suspett li xi darba kienu jinfdu sal-Grotta ta’ San Pawl, li tinsab ġewwa r-Rabat stess. Il-katakombi kienu użati bħala ċimiterju fiż-żminijiet Rumani (madwar is-seba' seklu u anke t-tmien wara Kristu). Għalkemm ħafna iżgħar, meta mqabbla mal-katakombi ta’ Ruma u ċentri Rumani oħra, il-katakombi ta’ San Pawl huma eżempju xieraq tal-arkittetura Rumana ta’ taħt l-art u xhieda tal-għeruq reliġjużi tagħna. Ritorn ieħor għal dawn l-istess għeruq reliġjużi hija l-poeżija li se tisma’ ta’ Marlene Saliba. Tenfasizza l-importanza tal-ħin u l-memorja f’relazzjoni spiritwali magħna nfusna. Il-poeżiji ta’ Marlene Saliba spiss jintrabtu mal-wirt arkeoloġiku tagħna u magħna nfusna bħala ħlejjaq f’relazzjoni mal-kożmos. Din il-poeżija jisimha “Pellegrinaġġ”.
Nissogra nittajjar aktar u aktar fl-għoli
fuq ġwinħajn għasfur għaref.
Flimkien nimirħu barra ċ-ċinturin tal-ożonu
u ġewwa wesgħat donnhom bla tarf
fit-tfittxija dejjem tissokta … għall-imħabba,
il-ħelsien, is-sliem.
Resqin, resqin lejn dimensjoni
li f’dil-pjaneta,
għal xi raġuni mistura,
bħal żbuxxlajna 'l bogħod minnha.
Għajnejna jħallu warajhom
dehriet ta’ gwerer, ta’ ħruxija,
ġuħ, ħerba, kif ukoll
oħrajn ta’ għaqal, tenerezza,
u tar-ritmi, l-ispazji u l-ilwien leali
ta’ darna d-dinja.
Għajnejna jixhdu kuluri ġodda,
tifsiriet diversi u għarfien ieħor
li jġib miegħu ferħ profond.
Nissogra nittajjar
aktar u aktar fl-għoli
fuq ġwinħajn għasfur għaref;
ħabib għażiż li jidher daqstant intwittiv
fi smewwiet mhux magħrufa, bla tarf.
Nidħlu f’żoni ta’ ġmiel perfett,
żoni li ma jistgħux jiġu mfissra
fl-eki dgħajfa u mgħawġa tal-kliem.
Fl-aħħar, fil-miġja lura lejn id-dinja
xtaqna nġibu magħna hawnhekk
farka msaħħra tal-eternità.
Iżda meta missejna l-art
donna anke aħna nbdilna.
U waqt li sal-mewt għajnejna
jippruvaw iwasslu dil-ġrajja sabiħa
ta' armonija u ta' hena,
il-kurrenti kiebja tal-ħajja madwarna
jifgawna bil-qawwa kollha
tad-dgħufija, tal-biża’, l-uġigħ,
il-ġlied u l-imrar.
Jista’ jkun li jekk bosta u bosta nies
jagħmlu ħafna pellegrinaġġi bħal tagħna,
dawn jgħinuna niftakru l-inħawi
tal-pont qadim fejn il-qawsalla qaddisa
twaħħadna mas-sema,
u jtuna l-kuraġġ insibu dehenna, postna
u s-sħuħija fil-wirt safi tal-univers.
“Pellegrinaġġ” minn Nimirħu maż-Żmien ta’ Marlene Saliba.
Pubblikaturi: Faraxa Publishing.
4. IL-KNISJA TA' SAN DUMINKU
Stabbilita f’Toulouse fi Franza fl-1216, l-Ordni Dumnikana għadha sal-lum il-ġurnata forza influwenti għall-Kristjaneżmu. Id-Dumnikani waslu Malta minn Sqallija fl-1450, probabbilment fuq l-inizjattiva ta’ Patri Pietro Zurchi, patri Malti mill-Imdina li kien jagħmel parti mal-komunità Dumnikana fi Sqallija. Bis-saħħa t’hekk, Malta tpoġġiet fil-lista dejjem tikber ta’ pajjiżi li bdew jiffurmaw is-sħubija tagħhom ma’ din l-ordni. Wieħed mill-iktar persuni famużi jgħixu Malta li kien wkoll parti mill-ordni Dumnikana, kien Mikiel Fsadni, O.P.; li f’dan il-każ jifforma parti wkoll mis-settur tar-Rabat. Huwa kien ukoll kittieb, partikolarment ta’ xogħlijiet mhux fittizji. F’din is-silta, huwa jirrakkonta l-esperjenza ta’ kif hu u r-riċerkatur sieħbu, Prof. Godfrey Wettinger, sabu l-Kantilena, parti kruċjali fl-istorja Maltija peress li kienet poeżija miktuba b’Malti Medjevali. Tista’ timmaġina ftit l-eċitament li ħassew meta sabu l-ewwel kitba bil-Malti ... kitba li tmur lura għas-seklu 15!?
Minkejja li r-referenzi li sibna fuq l-ilsien Malti kienu fqajrin, iżda minnhom jidher sew li l-Malti kien mitkellem u kienu saru wkoll sforzi biex jinkiteb, għallanqas għall-ismijiet ta’ postijiet. Waqt li konna qtajna jiesna li nsibu xi ħaġa aħjar, fit-22 ta’ Settembru tas-sena 1966, bqajna mistagħġba u mbellhin b’sejba mhux mistennija ta’ poeżija qadima ħafna mitktuba minn Pietru Caxaru. Qbiżna bil-ferħ intennu “Din hi sejba tassew kbira, qatt u qatt ma konna nobsruha”. Dan kien il-ħlas li Wettinger u jiena ħadna, li ssagrifikajna. Mort lura San Pawl il-Baħar, fejn kont qiegħed għall-vaganzi, għedt lil sħabi “Għamilna sejba kbira, kbira wisq”. Riedu jafu x’kienet; kellhom jistennew sentejn għat-tweġiba, għax daqshekk domna biex nippublikaw l-istudju li għamilna dwarha li ġie mxandar fil-ktieb Peter Caxaro’s Cantilena – a poem in Medieval Maltese.
Dak il-ħin li sibniha ppruvajna nittraskrivuha; m’għamilna xejn. Tassew li l-Għanja tidher miktuba b’ittri ċari għax tniżżlet min-nutar Brandanu de Caxario bl-aħjar kitba mirquma tiegħu; iżda, b’danakollu, sibna diffikultà mhix żgħira biex ngħarfu ċerti ittri u kliem. Għalhekk, wara li rġajna ta’ xejn għamilna ħilitna ħalli nittraskrivuha, qtajniha li neħdulha ritratt; b’hekk, stajna naħdmu bil-kwiet u fit-tul kemm irridu. Ħadd minna ma kien fotografu; min-naħa l-oħra ma xtaqniex naqbdu barrani. Għalhekk, għal din il-biċċa xogħol dħalt jien. Issellift kamera tajba tar-ritratti mingħand P. Ġużepp Gauci, O.P., qlajna l-permess meħtieġ mingħand in-nutar ewlieni tal-Gvern u fi żmien tliet ġimgħat inżilt nibda l-karriera ta’ fotografu! Dakinnhar qalbi bdiet tħabbat iktar mis-soltu; kont ftit eċitat. Irbatt il-kamera ma’ mejda mqiegħda qrib loġġ, qegħidt ir-reġistru fl-art, għalaqt ftit l-lenti, iffokajt tajjeb, il-bqija ħasbet għalih il-kamera awtomatika; fi ftit minuti kollox kien lest. Filwaqt li kont wasalt biex niġbed ir-ritratti tal-poeżija, Wettinger sejjaħ l-iskrivani – kif ftehimna minn qabel – ħalli jġibulu reġistru nutarili ieħor. Meta reġgħu ġew ħdejja, ġbidt ritratt jew xi ritratti ta’ folji oħra. B’hekk, ħbejna kemm stajna l-folja li ħadna ritratt tagħha u l-poeżija li kien fiha. Wettinger ħa ħsieb jiżviluppa l-film u jagħmel minnu ritratti għand fotografu. B’xorti tajba n-negattivi kollha ħarġu tajbin. B’hekk kellna moħħna mistrieħ; ma kienx hemm għalfejn nerġgħu inħarsu lejn l-ewwel reġistru tan-nutar Brandanu de Caxario fejn tinsab il-famuża poeżija […]
Silta minn Esperjenzi ta’ Kittieb ta’ Patri Mikiel Fsadni.
Bonus:
Xidew il-qada, ja ġirieni, talli nħadditkom,
Ma nsab fil-weri u la nsab f’għomorkom
Qalb m’għandha ħakem, sultan u la mula
Bir imgħammiq irmietni, b’turġien muħsula,
Fejn ħajran għall-għarqa, ninżel f’taraġ minżeli
Nitla’ u nerġa’ ninżel dejjem fil-baħar il-għoli.
Waqgħet hi, imrammti, l’ili żmien nibni,
Ma ħtatlix mgħallmin, ’mma qatagħli tafal merħi;
Fejn tmajt insib il-ġebel, sibt tafal merħi;
Waqgħet hi, imrammti.
Waqgħet hi, imrammti, niżżlet hi s-sisien,
Ma ħtatlix l-imgħallmin, ’mma qatagħli l-ġebel;
Fejn tmajt insib il-ġebel, sibt tafal merħi;
Waqgħet hi, imrammti, l’ili żmien nibni.
U hekk waqgħet hi, imrammti! w erġa’ ibniha!
Biddilha inti l-imkien illi jewtiha;
Min ibiddel l-imkien ibiddel il-vintura;
Għaliex l-iradi għal kull xiber sura:
Hemm art bajda, w hemm art sewda u ħamra.
Aktar minn hedawn hemm trid minnha tmarra.
5. TRIQ IL-KULLEĠĠ
Mikiel Spiteri, magħruf aħjar bħala Kilin, twieled fl-1917, ir-Rabat. L-ewwel xogħol tiegħu kien meta kellu 33 sena, wieħed mill-iktar xogħlijiet popolari bl-isem Fuq l-Għajn ta’ San Bastjan, ippublikat għall-ewwel darba fl-1973. Is-silta li jmiss tiddeskrivi l-ġurnata meta għamel l-Ewwel Tqarbina.
Issa għamilt ukoll il-Preċett. Iz-zija Ġanna ħititli libsa pulita, lewn it-tibna, bil-qalziet qasir. Ma’ driegħi x-xellugi hemżitli faxxa bajda tal-ħarir. Sakemm libsitni sar il-ħin u bagħtuni lejn San Pawl. Missieri ma ġiex miegħi, għax messu tal-għassa, u ommi ma tistax tħalli it-tfal waħedhom, maxtitli xagħri sewwa, tatni l-aħħar tfarfira, irranġatli ċ-ċoff, u qaltli:
“Mur. Qis li ma titħammiġx.”
Sa ħdejn l-għajn imxejt bil-galbu, imma hekk kif ksirt għal Triq il-Kulleġġ tlaqt niġri, naqbeż minn għatba għall-għatba qisni gidi. U tassew ħassejtni ħafif qisni gidi bil-libsa ġdida u ħafifa, u bil-ferħ li ħassejt f’qalbi. Għax dan kien tassew jum ta’ ferħ kbir. Mhux dak il-ferħ mimli daħk u għajat bħal meta xtrawli l-kaxxa tal-kuluri, jew meta is-sinjora faħħritni u tatni premju għax ġejt l-aħjar fil-klassi, jew bħal meta l-iskola tagħna rebħet it-tazza fl-Empire Day. Kien ferħ kwiet, ma nafx infissru. Ferħ ġej minn ġewwa? Ma nafx infissru imma ferħ kbir. Lit-tifla tal-ġirien li għamlet il-preċett mieghi, għamlulha festa kbira, bħal tal-magħmudija, bil-mistednin u x-xorb u l-ħelu, u bil-kaxxa tad-daqq. Ommi m’għandhiex flus bħalhom u għamlitli kejk miksi biċ-ċikkulata, u qsamnieh jien u ħuti.
Silta minn Fuq l-Għajn ta’ San Bastjan ta’ Kilin.
Pubblikaturi: Klabb Kotba Maltin.
6. MISRAĦ FOROK
Il-piena tal-mewt kienet komuni f’Malta, speċjalment fi żmien l-Ingliżi. Wieħed mill-iktar postijiet komuni fejn dawn il-pieni tal-mewt bil-forka kienu jiġu mwettqa huwa sewwasew hawnhekk, fejn qegħdin bħalissa, Misraħ Forok. Għal dawk li forsi ma jafux, il-forka hija metodu ta’ tgħalliq u poeżija kontemporanja li ssemmi dil-pjazza hija dik ta’ Glen Calleja, “Sebat Ijiem Borra”.
Aħna misraħ forok
Miżgħud prinjoli fl-art
Sebat ijiem fil-ġimgħa
Taħt borra nieżla
Bajda bħal dejjem
B’differenza nviżibbli
Aħna dik id-differenza
Li tintuża biss għall-ħajja.
“Sebat Ijiem Borra” ta’ Glen Calleja.
7. VILLA LUGINSLAND
Kemm hi sabiħa u grandjuża dil-villa. Ma taħsibx? Villa Luginsland qiegħda fi Triq Nikola Saura u hija villa ta’ ġmiel inkredibbli bi storja twila. Darba, kienet ir-residenza tal-konslu Ġermaniż, il-Baruni Max Von Tucker. Ħadem f’Malta fil-bidu tas-seklu 20 u kien f’dan iż-żmien li kkummissjona lill-perit Francesco Zammit biex jibni din il-villa maestuża. Hija villa li nebbħet lil bosta artisti fosthom kittieba. Fil-fatt, il-kittieb John A. Bonello ħoloq storja misterjuża li ddur madwar din il-villa, li fil-ktieb biddlilha isimha għal Villa Manduca, permezz tas-serje tal-misteri mmirati lejn it-tfal Irvin Vella. L-ewwel ktieb fis-sensiela proprju jġib l-isem Irvin Vella: Il-Każ Manduca.
Imxejt warajha tul intrata wiesgħa u mudlama, imżejna b’żewġ gastri tal-espedistri. Is-saqaf tal-intrata kien ġej għat-tond u kien impitter, b’xena li, għalkemm ma nifhimx akka fl-istorja ta’ Malta, deherli li kienet tirrappreżenta r-rebħa tal-Maltin kontra it-Torok fl-Assedju l-Kbir. F’nofs din ix-xena, kien hemm l-arma ta’ Manduca – żewġ bhejjem, naħseb iljuni, iżommu kuruna ta’ sultan, u fuq il-kuruna stallett b’serp imdawwar max-xafra bħalm’hemm fuq il-flixkun tar-Rexoguard. Xellug u lemin fl-istess intrata, wara purtieri bojod tal-ħarir, kien hemm żewġ bibien jagħtu għal żewġ salotti. Ma stajtx nara x’kien hemm fil kmamar għax kienu mudlama. Bqajna deħlin 'il ġewwa. Kienet dar enormi. Il-kesħa ħassejtha tielgħa mill-art u dieħla miż-żarbun. Tamboċċ fil-għoli kien idawwal it-tromba fejn taraġ wiesa’ kien jitla’ jdur fi spirall għas-sular ta’ fuq, filwaqt li indana taraġ oħra kienet tinżel 'l isfel għal taħt l-art u tintilef fid-dlam. Kien hemm riħa ħelwa u tfuħ mad-dar kollha, bħal ta’ xi tip ta’ inċens. Minn ħdejn it-taraġ, għaddejna minn bejn żewġ kolonni jżommu arkata baxxa għal ġewwa kamra tal-pranzu.
Silta minn Irvin Vella: Il-Każ Manduca ta’ John A. Bonello.
Pubblikaturi: Merlin Publishers.
8. L-ARKIVJI NAZZJONALI TA' MALTA
Concetta Brincat (neè Sciberras) kienet kittieba mwielda Birkirkara fl-1870 li mietet Tas-Sliema fl-1940. Kienu żminijiet meta n-nisa ftit li xejn kellhom drittijiet u allura hi ftit diffiċli nkunu nafu l-istorja tan-nisa meta l-vuċijiet tagħhom ma kinux jinstemgħu.
Parti kbira mit-tfulija u ż-żgħożija tagħha qattgħetha l-Alġerija mal-familja tagħha iżda sfortunatament traċċi ta’ dan m’għandniex. Madanakollu, kienet komuni ferm li l-familji Maltin ta’ dak iż-żmien jemigraw lejn l-Afrika ta’ Fuq biex jibdew ħajja aħjar xi mkien ieħor. Fortunatament, informazzjoni fuq Concetta Brincat instabet fl-Arkivji tar-Rabat. L-Arkivji Nazzjonali mxew fir-Rabat u żewġ postijiet oħra matul l-1980. L-Arkivji Nazzjonali huwa responsabbli għall-ikbar ammont ta’ rekords Maltin u jservi bħala l-Uffiċċju Ġenerali. Is-silta li jmiss hija silta mill-ewwel rumanz ta’ Concetta Brincat.
Meta waqt il-kaċċa l-kiefer Duka ta’ Lausanne kien ta daqqa ta’ frosta lil dak il-ġuvni, kien baqa’ sejjer, bħalma konna rajnieh, ma’ ħuh Victor bil-galopp taż-żwiemel ġerrejja tagħhom mingħajr ma taw kont jekk dak ir-raġel kienx mejjet jew ħaj. Il-Barunissa Clotilde meta ratu jinqaleb ġewwa l-foss werżqet twerżiqa kbira u qabżet minn fuq iż-żiemel. Żewġha l-Baruni Henri de Lamarre u l-Baruni de Valereux kienu pronti qabżu wkoll, rabtu ż-żwiemel tagħhom ma' siġra u marru jixxabbtu mal-foss li mnalla ma kienx fond dika n-naħa. Wara li ħarsu biex jaraw jistgħux jinżlu, raw bħal mogħdija qalb il-blat xi għoxrin pass 'il hinn. Malajr kienu pronti niżlu biex jagħtu l-ajjut lill-imsejken ġuvni li kien mixħut għal mejjet fuq dak il-blat imgħargħar ġewwa għadira demm billi rasu ħabtet mal-ġebel taż-żonqor. Mingħajr ma taw kas il-poni li kien ġie taħt il-karettun, dawk iż-żewġ nobbli refgħu 'l-ġuvni, li meta rawh isfar donnu katavru ħasbuh mejjet. Imma meta l-baruni ħallu l-ġlekk sablu qalbu għadha tħabbat. Bi prudenza kbira refgħuh għan-naħa tat-triq li kienet tagħti għall-wisa’ taħt dell ta’ siġra kbira tal-ewkaliptus. Hawn il-barunissa safra mewt resqet ħdejhom u qaltilhom:
Għadu ħaj dak il povru raġel? qalet għajnejha kollha dmugħ.
Iva Clotilde, qalilha żewġha, imma inti arġa' irkeb iż-żiemel tiegħek u mur ilħaq 'il sħabna tal-kaċċa għaliex inti sensibbli wisq, tbati meta tara dak id-demm.
Le le, ma nillargax minn hawn qabel ma nara kif sejrin tagħmlu u tagħtu ajjut lil dal-povra vittma! Fejn insibu ftit ilma biex naħslulu wiċċu minn dina d-dmija?
Ma nafx, ruħi, minn fejn insibu f’dawn l-inħawi, weġibha żewġha. Ma narax ħlief irdumijiet.
Fl-istess mentri nstemgħu l-passi ta’ raġel ġej in-naħa tagħhom. Dar-raġel, li kien kampanjol, xħin ra lil dawn it-tlieta min-nies, waqaf iħares u sar isfar mewt xħin ra raġel mixħut fl-art donnu katavru. Ħaseb li kien sar xi delitt u billi t-triq bħalma għedna kienet dejqa baqa’ ssummat kieku jrid jgħaddi imma forzi ma kellux. Allura il-barunissa qamet u qaltlu:
Bravu raġel, Alla bagħtek. Għandna dar-raġel qiegħed imut. Ara minn fejn issibilna ftit ilma. Aħna nħallsuk tajjeb.
Dak ir-raġel, li għall-ewwel ma kienx ittenda bil-barunissa, f’mument wieħed qalbu kienet imtliet bl-odju terribbli għal dawk iż-żewġ persunaġġi mill-ilbies tagħhom kienu jidhru li huma nobbli u ħasibhom l-awturi tal-mewt ta’ dak il-ġuvni, imma meta sama’ dik il-vuċi anġelika u ra dak il-wiċċ ta’ anġlu mimli kollu ħniena qalilha:
Sinjura, dalwaqt inġiblek ilma għaliex wara dika l-blata il-kbira hemm nixxiegħa tal-ilma ċar.
U mar b’ġirja waħda. Ma għaddewx tliet minuti li ma rawhx ġej bil-bott tal-landa li kien jixrob minnu meta kien ikun fuq ix-xogħol u ġiebu mimli bl-ilma frisk.
Nirringrazzjak, qaltlu Clotilde fil-ħin li xarrbet il-maktur tal-bizzilla tagħha u ħaslet wiċċ dak l-imsejken.
Skużi, Eċċellenza, mela waqa’ dan ir-raġel? qal il-Kontadin kollu mistagħġeb mill-ħniena ta’ dawn in-nobbli.
Iva, waqa’ ġewwa il-foss, wieġbu de Valereux. U tagħmlilna pjaċir kieku tinżel mill-mogħdija u tmur tara x’sar mill-poni u l-karrettun. Tibżax tkun imħallas tajjeb.
Mingħajr ma qal kelma dak ir-raġel qabeż ġewwa il-foss u billi kien ta’ forza kbira, qala’ l-karrettun li kien ġie fuq il-poni li dan, dejjem saqajh 'il fuq, kien qiegħed jitħabat. Billi inzertaw fejn waqgħu kien hemm il-ħaxix, il-poni ma ġralu xejn ħlief ftit brix u nkisret il-lasta tal-karrettun, iżda dar-raġel ma kkonfonda xejn, raġa’ talla’ mill-mogħdija lill-poni fejn rabtu ma’ siġra, imbagħad raġa’ niżel għall-karrettun. Xħin wasal ħada l-ferut sabu rasu nfaxxata bil-mantilja roża tal-ħarir tal-barunissa. Kien ġuvni ta’ xi tletin sena, simpatiku ferm, bil-mustaċċi suwed u par għajnejn suwed li jsaħħruk. Kien qiegħed jirringrazzja lin-nobbli sinjuri ta’ li għamlu miegħu, b’vuċi miksura.
Fejn sejrin niħduh, Henri? qal il-Baruni de Valereux.
Ma nafx, Eduard. Taf li donni nsejthom dawn in-naħiet. Għall-kastell tiegħek hawn 'il bogħod ħafna u dan il-ġuvni ma jiflaħx jistrapazza ruħu.
Iva, issa qiegħed niftakar, qal de Valereux. Bilħaqq, dan il-bosk ta’ Alfort irid ikun hawn id-dar tal-gwardjan tal-Konti ta’ Lausanne stess.
Iva, Eċċellenza. Naf fejn tiġi, qal il-kontadin. Trid niħduh fuq il-karrettun?
Tajjeb wisq, bravu raġel, qallu de Valereux. Ara tirranġax il-karrettun. U int taf x’tagħmel, Henri? Ħu 'l martek il-kastell ta’ Lausanne fejn mur ara Ortensia kemm hija biħsiebna u jiena mmur ma’ dan ir-raġel biex nara l-gwardjan u nirrikkmandalu dal-ferut.
Nistgħu mmorru flimkien, Edi, qallu Henri de Lamarre, għaliex forsi fit-triq dal-povru ġuvni jħossu ħażin u jkollok bżonn tal-ajjut.
Tajjeb. U Clotilde tibqa’ sejra?
Għalfejn, Edi, mmur? Imbagħad immorru flimkien.
Tajjeb, mela oqogħdu intom madwar il-karrettun u jiena mmur fuq iż-żiemel navża l-gwardjan jillesti sodda għall-ferut.
U kif qall hekk, ħall iż-żiemel u telaq ġirja waħda għad-dar tal-gwardjan. Meta l-baruni għarrfu xi ssuċċieda, mingħajr ma qallu min kien l-awtur tad-delitt, il-gwardjan illesta s-sodda u li kien hemm bżonn fil-kamra li kien hemm kif tidħol fid-dar. Dak ir-raġel, il-kampanjol, li kien irranġa sewwa l-karrettun megħjun mill-Baruni de Lamarre poġġa l-ferut fuq l-istrapontin li kien hemm fuq il-karrettun filwaqt li l-barunissa b’delikatezza kbira poġġiet ras il-ġuvni fuq speċi ta’ mħadda. Il-ġuvni kien żvenut. Allura n-nobbli sinjuri tellgħuh fuq iż-żwiemel tagħhom. Il-kampanjol tala’ fuq il-karrettun u baqgħu mexjin.
Imma kemm jiflaħ ikun qalbu ħażina l-Konti ta’ Lausanne ma’ dawn il-povri nies, qalet il-Barunissa Clotilde lil żewġha.
Silta minn Il-Familja de Valereux ta’ Concetta Brincat.
Grazzi lil Prof. Adrian Grima u l-qariba ta’ Concetta Brincat, Carmen Baxter.
9. IL-KUNVENT TA' SAN MARK
Karmenu Vassallo twieled is-Siġġiewi fit-18 ta’ Marzu 1913. Huwa studja l-Letteratura Taljana u Latina, il-Filosofija u t-Teoloġija fil-kunvent ta’ San Mark ġewwa r-Rabat, fejn int bħalissa. Matul ħajtu kellu tliet xogħlijiet: dak ta’ ġurnalista, ta’ għalliem u ta’ suldat. Fil-ħin liberu tiegħu kien iħobb jikteb il-poeżija u f’ħajtu ppubblika għadd ta’ ġabriet. Il-konnessjoni bejn dal-poeta u din il-Mixja Letterarja hi l-fatt li hu studja r-Rabat anki jekk qalbu baqgħet marbuta ma’ raħal twelidu: is-Siġġiewi.
"Raħal twelidi"
Seta’ kien akbar – seta’ kien isbaħ,
raħal twelidi – jogħġobni sħiħ:
u dinja ġdida – u ġenna ġdida
id-dawl ta’ mħabbti – jurini fih!
Jien kont u għadni – jien kont u nibqa’
raħal twelidi – miegħek marbut:
xejn akbar minnek – xejn isbaħ minnek
ma nsib jew nara – sakemm immut.
Għallimtni nagħder – u nħobb lil għajri;
għallimtni nimxi – fit-triq tad-dawl;
għallimtni naqdi – dmiri nisrani;
għallimtni s-Sewwa – li tak San Pawl.
Seta’ kien akbar – seta’ kien isbaħ,
raħal twelidi – jogħġobni sħiħ:
u dinja ġdida – u ġenna ġdida
id-dawl ta’ mħabbti – jurini fih!
“Raħal twelidi” ta’ Karmenu Vassallo.
10. IS-SAQQAJJA
Ir-Rabat. Belt li tbaqbaq u fl-istess waqt kalma u serena. Belt mimlija storja kif ukoll postijiet ta’ divertiment. Fi kliem ieħor għandha ftit minn kollox. Ir-Rabat, kelma ta’ oriġini Semitika li tfisser “belt fortifikata” huwa isem il-belt kapitali tal-Marokk. Ir-Rabat huwa d-dar tal-famużi katakombi ta’ San Pawl u Sant’ Agata, kif ukoll id-Domus Romana u l-Każin tal-Banda L’Isle Adam. Is-silta li jmiss hi biċċa mix-xogħol ta’ Loranne Vella bl-isem Magna Mater, ambjentata ġewwa r-Rabat.
Ir-Rabat, it-Tlieta, 14 ta’ Jannar 2020
Temperatura: -6°C
Reġgħet bdiet nieżla l-borra. Issa kienu għaddew tliet ġimgħat sħaħ minn mindu kienet bdiet l-ewwel ħalba borra f’Malta. Sabiħa l-borra taraha minn wara l-ħġieġ, nieżla b’ħeffa kwieta sakemm tistrieħ fuq il-bankini, is-saqaf tal-karozzi, il-bjut ċatti tad-djar li ma kinux mibnija biex jilqgħuha. Sabiħa taraha il-borra. L-ewwel darba forsi. It-tieni u t-tielet darba tkun għadek imbellah. Wara ftit tidraha. Imbagħad, għal min jifhem sew, jibda t-tkexkix.
Elizabeth ma kinitx waħda minn dawk li jitkexkxu u jroddu s-slaleb. Ovvjament. Kellha biss ħmistax-il sena, kif tista’ tibża' mill-borra? Baqgħet tħares 'il barra mit-tieqa tal-ħanut. Tistenna. Sabiħa l-borra imma ma kellhiex aptit timxiha lura d-dar waqt li kienet nieżla. Ma kellhiex boots tajbin. Żgur ħadd ma kien ħaseb jilbes żraben tajbin għal meta tinżel il-borra dakinhar filgħodu. Mhux meta kienet ħarġet ġurnata daqshekk xemxija. U xi ftit sħuna. Sa filgħaxija t-temperatura niżlet kważi għoxrin grad f’daqqa. Ħadd ma kien qed jistennieha llum, minkejja li kienu avżaw li setgħet terġa' tinżel it-temperatura. Iżda ħadd ma kien għadu jistenna xejn. Jew aħjar, minn kollox seta’ jinqala’; tqum filgħodu ssibu sajf, u tidħol torqod għal lejla xitwija. Wara kollox, kienu ilhom snin ibassru li xi darba, anzi daqt, se jasal l-aħħar tad-dinja għax jiffriża kollox.
Elizabeth kienet qed titbissem. Setgħet tisma' lil tal-ħanut jeqred u jisħet lil dan l-imniegħel temp miġnun. Miskin. Ma kienx jaf x’kien qed jitlef. Mhux aħjar jiġi jittawlilha ftit lill-borra milli jisħitha waqt li jagħmel il-kontijiet u jgħodd il-flus? Daret tħares lejn il-lemin tal-bank li warajh kien hemm tal-ħanut u tbissmet ftit. X’ironija, bdiet taħseb: imwaħħlin mal-ħajt kien għad hemm xi kartolini tal-Milied li kien għadu kif għadda, bi stampi ta’ pajsaġġi miksijin bl-abjad.
Daret tħares barra mit-tieqa u reġa' bdielha. Marret tħallas lil tal-ħanut, ġabret kollox fil-basket u tefgħetu fuq daharha, u ħarġet 'il barra. Il-kesħa kienet tremenda u ħassitha se taqta’ nifisha. Bl-iktar pass mgħaġġel li setgħet tieħu telqet fid-direzzjoni tad-dar. Għaxar minuti biss, bdiet taħseb filwaqt li bdiet tieħu nifsijiet qosra malajr u tipprova ssaħħan idejha li kienu mikxufin u kisħin silġ. Id-dlam kien waqa’ f’daqqa fuq kollox, u fit-toroq ma kien fadal ħadd. Ma kien jinstema’ l-ebda ħoss ħlief il-borra tqarmeċ taħt il-passi tagħha. U r-ritmu mgħaġġel ta’ nifisha. Kienet qed tieħu pjaċir bis-sħaba ta’ fwar li bdiet tifforma quddiem wiċċha ma’ kull nifs li kienet qed tieħu 'l barra. Din kesħa ta’ veru, bdiet taħseb.
Meta daħlet id-dar, sabitha sħuna. Mid-dehra ommha kienet ġiet lura u xegħlet it-tisħin u d-deumidifikazzjoni ċentrali. Minħabba politika stretta li l-gvernijiet kollha tal-Ewropa kienu ilhom jinfurzaw dawn l-aħħar ftit snin għall-iffrankar tal-enerġija, kellhom permess iżommuh mixgħul biss siegħa f’ġurnata, iżda l-appartament tagħhom kien ċkejken; malajr kien jisħon u jinxef, u jibqa’ hekk sal-għada.
“Wasalt,” għajtet Elizabeth, iżda ma marritx ħdejn ommha. Baqgħet dieħla fil-kamra tagħha, xegħlet it-tabla, u xeħtet il-basket fuq is-saqqu. It-tabla kienet saret tagħmel ħsejjes strambi dan l-aħħar waqt li tisħon. Kellha bżonn toħodha għat-tiswija. Xi waħda minn dawn forsi ssib il-ħin toħodha għand Gartz; dan kien ġenju tal-elettronika, fost affarijiet oħra, u kienet tafdah. Dejjem imħabbat, iżda lil Elizabeth qatt ma kien jgħidilha le.
L-iskrin tat-tabla faqqa’ u xegħel.
Omm Elizabeth ħabbtitilha tnejn fuq il-bieb bħala sinjal li kienet se tibda tħejji l-ikel. Elizabeth injuratha u ntefgħet quddiem it-tabla. L-ikel wara, mhux issa.
Daħlet fil-homepage tal-profil tagħha, jew aħjar, ta’ profil li kienet ħolqot hi. Hawnhekk ma kienx jisimha Elizabeth, iżda Fay Wray. L-idea kienet tathielha ommha, u l-isem kien għoġobha mill-ewwel għax kellu ħoss sabiħ. Fay Wray oriġinarjament kienet attriċi tas-snin tletin, li twieldet fl-1907 u mietet ta’ kważi 97 sena. L-aktar li kienet magħrufa, kif kienet spjegatilha darba ommha, u kif kienet kitbet fil-bijografija li kellha tippreżenta għall-ħowmwerk tal-Ġermaniż, kien għall-film King Kong tal-1933.
Iżda Fay Wray, l-avatar ta’ Elizabeth fuq il-Magna, kellha karatteristiċi differenti, għalkemm xorta kienet ispirata xi ftit mill-Fay Wray oriġinali. Twieldet fit-12 ta’ Mejju 2001, jiġifieri suppost kellha tmintax-il sena. Din il-Fay Wray kienet tisma’ r-Rats u l-Klarkillers, u kienet taqra kotba ta’ Bradbury, Seams, Griffin, Pamuk u oħrajn.
Silta minn Magna Mater ta’ Loranne Vella.
Pubblikaturi: Merlin Publishers.
11. IL-MAFKAR TA' PAWLU XUEREB
Permezz tal-fruntiera naturali bejn ir-Rabat u l-Imdina, m’hemmx dubju li wieħed mill-ikbar ġonna ta’ Malta sal-lum il-ġurnata huwa sewwasew Ġnien Howard. B’xena pittoreska tas-siġar u s-sur tal-Imdina ma tridx wisq biex il-Maltin kif ukoll it-turisti jindunaw b’din l-attrazzjoni. Wieħed mill-iktar monumenti li ma tantx nafu bihom huwa l-mafkar tal-eks-President ta’ Malta Pawlu Xuereb. Forsi qed tistaqsi bejnek u bejn ruħek x’għandu x’jaqsam ma’ din il-Mixja Letterarja? Għandu u kif għax Pawlu Xuereb ma kienx biss l-eks-President ta’ Malta għal perjodu qasir ta’ żmien, iżda wkoll kien kittieb. Li jmiss hi silta minn xogħlu.
Grezzju tal-Pitkal veru kien irekken xi ftit ħaxix għad-dar, imma ħadd qatt ma qal fil-pitkalija li Grezzju qatt seraq xi ħaxixa. U qatt ħadd mill-ġirien tiegħu ma qal li Grezzju kien idum għax-xogħol filgħodu malli jidden l-ewwel serduq, u d-dar, fis-sajf, ġieli reġa’ lura wara nofsillejl – u neħħi dawk is-sagħtejn ta’ waranofsinhar ma kienx jistrieħ f’jum twil u iebes. Dan ħadd mill-ġirien qatt ma qalu, għax bħal speċi kien xogħlu, u Grezzju kien ixxurtjat li kien xogħlu, għax kien jiddobba xi ħaxixa, u ħaddieħor ma kien jiddobba xejn. Ħadd ma kien jgħid xejn lanqas, għax ħaddieħor kien imur lura d-dar f’xi ħamsa u fis-sajf f’xi sagħtejn flok nofsillejl. Din il-verità l-ġirien kienu jinsewha, u jiftakru biss f’dak il-ħaxix li jaraw f’idejh. Imma kien veru wkoll li kien ixxurtjat meta ħatnu għaddielu kelma ma’ xi Kaptan tan-Navy u b’xi mod sab ruħu jaħdem ta’ lavrant fil-Cold Stores. Meta raw dan iseħħ, il-ġirien bdew ireddnu aktar minn qatt qabel, kemm kien ixxurtjat Grezzju, u Rusanna kellha tagħmel iktar minn qatt qabel il-qrun u tgħid f’qalbha dak li kellha tgħid, biex l-għajn ma taħdimx.
“Imma xi trid tagħmel, Grezz,” darba minnhom qaltlu Rusanna. “Mhux aħjar nagħmel naqra qrun milli jgħajnuna? Jien nibża mill-għajn taf.”
“Imma nsomma bil-qrun Rusanna taħseb li l-għajn tmur?”
“Jien mhux qrun biss nagħmel. Ngħid li għandi ngħid.”
“X’ tgħid Rusann?” staqsiha Grezzju, aktar biċ-ċajt milli bis-serjetà, għax hu kien jaf x’kienet tgħid.
Rusanna kienet tieħu għaliha: “Int ma tafx x’ngħid? Dak li jgħid kulħadd.”
“Imma kieku troxx ftit ilma mbierek naħseb aħjar?”
“Ma tafx li nroxx u anke naħraq werqa żebbuġa għall-Glorja?”
“Bis-serjetà! Liema Glorja…Issa ili ma narak.”
“Veru li ilek ma tarani. Imma lil min qed tara daż-żmien? Qed tara lil xi ħadd int, għax jien mhu qed nara lil ħadd. Anqas oħt il-Kanunku Dun Ġwann m’għadha troxx l-ilma mbierek u taħraq il-weraq taż-żebbuġ.”
“Veru”, qallha Grezzju. “Imma tista’ tgħid Ave Maria.”
“Forsi ngħid ukoll,” weġbitu Rusanna. “Imma l-qrun se nibqa’ nagħmilhom għax inħossni speċi ċerta li l-għajn ma taħdimx.”
Grezzju bħas-soltu tbissem u baqa’ sejjer jitma’ l-fniek.
“Anke fil-fniek hu xxurtjat,” kien hemm min qal.
Li ma kienx tassew. Għax darba minnhom il-fniek ta’ Grezzju wkoll qabdithom il-passa u kważi mitulu kollha. Imma għalkemm kien hemm min ra lil Rusanna tpoġġi l-fniek mejta fil-barmil taż-żibel jum wara l-iehor, u għalkemm kien hemm min semagħha tgħid:
“X’biċċa ġratlu Grezzju miskin. Mitulu l-fniek kważi kollha,” ħadd ma qal:
“Veru miskin. Jekk dejjem kien ixxurtjat Grezzju, din id-darba dar għalih id-dubbien.”
Silta minn Meta x-xorti misset! ta’ Pawlu Xuereb.
.
.
.
GĦELUQ
Grazzi talli għoġbok tagħmel din il-Mixja Letterarja fir-Rabat. Nittama li ħadt gost tisma’ dawn is-siltiet u nħeġġek tixtri l-kotba biex tkompli f’darek dak li bdejt tisma’ fit-toroq tar-Rabat.
Raħal il-Letteratura hu proġett pilota mill-Fondazzjoni HELA (Hub for Excellence in the Literary Arts), li jħares biex jiċċelebra l-letteratura u jippromoviha f’modi varji ġewwa r-Rabat. Din l-inizjattiva hi mifruxa fuq tliet snin u ġiet mogħtija l-Premju tal-President għall-Kreattività mingħand l-Uffiċju tal-President u l-Kunsill Malti għall-Arti.
Din l-inizjattiva hi primarjament att kreattiv u kulturali iżda anke tmiss aspettti ekonomiċi u storiċi, għalhekk din il-mixja letterarja. Raħal il-Letteratura ser ikun possibbli grazzi għal Studio Solipsis, Inizjamed, Malta Libraries, Merlin Publishers, l-Aġenzija Nazzjonali għall-Litteriżmu, Heritage Malta, l-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta u l-Kunsill Lokali tar-Rabat.
.
.
.
Kittieba: Francesca Monseigneur.
Mentor: Leanne Ellul.
Edituri: Leanne Ellul u Clare Azzopardi.
Qari tal-provi: Dwayne Ellul.
Traduzzjoni għall-Ingliż: Maxine Tanti u Clare Azzopardi.
Disinjatriċi: Rebecca Zammit.
Inġinier tar-rekording: Geordie Debono (Campus FM).
Grazzi wkoll lill-kittieba u l-pubblikaturi kollha, lil Prof. Adrian Grima, Carmen Baxter, lil Malta Libraries, lil Clare Azzopardi, Glen Calleja, Jean Paul Borg, u Redent Abdilla.