Jien inħobb niġbor l-ewwel reazzjonijiet tal-qarrejja pjuttost kmieni. Ħafna drabi x-xogħol ikun għadu maħmuġ u mhux irfinut imma nkun irrid nara jekk il-mod kif qed norkestra kollox, idoqqx ma’ żewġ jew tliet qarrejja kritiċi.
L-ewwel ħaġa li nkun irrid niddiskuti hija l-istruttura. Pereżempju, fil-każ ta’ kull flgħaxija kif mal-għabex tnin u tmut saħħet il-jum it-tqassim tal-poeżiji f’erba’ “kotba” ġie tard fl-iżvilupp tal-ktieb. Mill-ewwel reazzjonijiet li kont ġbart deherli li qafas ta’ erba’ kotba kien isaħħaħ il-ġabra sħiħa. U hekk għamilt.
F’dan l-istadju bikri, il-mistoqsija ewlenija tiegħi tkun dwar il-potenzjal tax-xogħol. Fejn tista’ tmur dil-kitba fix-xbihat, narrattivi, ritmi u dinamiċi oħra li qed jissawru fiha? Mill-qarrejja nkun nixtieq nisma’ fejn u kif jistgħu jinħolqu rabtiet u livelli ta’ tifsir li fl-ewwel abbozzi ma nkunx għadni xammejt. F’każijiet ta’ xogħol iktar kollaborattiv bħal f’Tessie jew Sal-Quċċata tal-Everest, inkun irrid nara wkoll li qed jirrappreżenta s-suġġett b’mod xieraq u korrett u li la qed inħalli dettalji kruċjali barra u lanqas qed inħarref.
Mill-qarrejja nkun irrid nisma’ x’għoġobhom u x’darrashom ukoll. Jekk sabu reżonanza ma’ xi ħaġa irrid inkun naf għalfejn. L-istess jekk xi ħaġa stunatilhom. Din ħelwa jew din interessanti ma jgħidulix kif nista’ ntejjeb xogħli.
Meta qed indur il-kitba ta’ ħaddieħor b’għajn kritika nħares l-ewwel u qabel kollox lejn kemm ix-xogħol huwa magħqud u koerenti. Infittex il-bilanċ u l-varjetà fil-burdati, ritmi, tonijiet u fl-iżvilupp tan-narrattiva. Infittex ukoll dak l-element ewlieni li qed jgħaqqad kollox taħtu, il-preokkupazzjoni jew in-narrattiva ewlenija li forsi ttini ċavetta għal-loġika interna tal-kitba.
Meta nfittex koerenza fit-test ma nfittixx biss koerenza fil-vuċijiet jew fir-reġistru. Anzi, infittixha qabel xejn fl-istruttura, f’kif inhuma orkestrati x-xbihat u kif inhuma msensla l-mikronarrattivi, jekk jista’ jkun fuq livell ta’ frażi frażi anke jekk b’xogħolijiet itwal normalment il-kummenti jkunu fuq bażi ta’ paragrafi jew saħansitra kapitli. Għalija, xogħol eklettiku u frammentat jista’ jkun samm, sinjur u effettiv daqs, jew iktar minn, kitba b’narrattiva lineari u vuċijiet konsistenti. Il-mistoqsija tiegħi, bħala editur, normalment tkun dwar x’qed titlob mill-qarrej. Jekk qed titlob ftit wisq jew ftit iżżejjed taħbil il-moħħ allura t-test jispiċċa jew ċatt jew pretensjuż. Xogħol sempliċi żżejjed isir monotonu. L-istess jekk ix-xogħol ikun mimli xbihat vagi u mistiċi ... il-baħħ tal-baħħijiet forsi huwa kunċett filosofiku li jimmerita ċerta kontemplazzjoni imma bħala xbieha letterarja hija pjuttost xotta. Jekk kliem bħal dak jintuża purament għall-valur armoniku tiegħu allura dak diskors ieħor u problematiku xort’oħra.
Bħala editur ġieli naqa’ fit-tentazzjoni li nżarma u nindaħal iżżejjed. Kultant nistaqsi jekk sekwenza t’avvenimenti tistax tiżvolġi b’mod ieħor u nipproponi taqlib fl-istruttura u kultant nissuġġerixxi frażijiet alternattivi. Il-kitba għalija hija sagra biss jekk hija dinamika. Ma niħux gost naħdem ma’ kittieba li jieħdu għalihom malajr. Nieħu gost naħdem fejn nista’ noħloq djalogu kostruttiv li jisfida l-abbozz eżistenti u l-kapaċitajiet tal-kittieb/a, mhux kummentarju li jbierek il-manuskritt kif inhu mgħoddi lili. Meta neditja l-obbligu lejn is-sengħa tal-kittieb/a tiġi qabel il-kunsiderazzjonijiet lejn il-qarrej u lejn is-suq. Nisfida l-kittieb biex juri ħilietu, jikber fis-sengħa u jkun jista’ joħloq esperjenzi letterarji tassew trasformattivi, forsi maġiċi.